L-Isqfijiet fil-Bolivia jenfasizzaw l-importanza tal-Libertà Reliġjuża

The Bolivian Episcopal Conference stresses the importance of Freedom of Religion and Conscience

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Bolivia, Patri Aurelio Pesoa Ribera, OFM, li hu wkoll l-Isqof Awżiljarju ta’ La Paz, ippreżenta stqarrija tal-Isqfijiet dwar żewġ temi kurrenti fil-pajjiż: Il-Liġi dwar il-Libertà Reliġjuża u d-Dritt għall-Oġġezzjoni ta’ Kuxjenza għal tobba Kattoliċi, u l-akkużi dwar Abbużi Sesswali fil-Knisja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat dwar l-istqarrija tal-Isqfijiet intitolata “Il-Libertà Reliġjuża u ta’ Kuxjenza fil-Bolivia.  L-Istqarrija qalet li din il-liġi hi meħtieġa biex tirregola l-preżenza tad-diversi gruppi reliġjużi u l-attivitajiet tagħhom fil-Bolivia”.

L-Isqfijiet qalu li għalkemm hemm xi nuqqasijiet, jemmnu li din il-liġi hi pass ‘l quddiem komparata mal-liġi eżistenti. Fil-fatt kienu ċċarati xi aspetti importanti fosthom dik dwar il-personalita legali, kwestjonijiet marbuta mat-tassazzjoni u d-dritt tal-ġenituri li jiddeċiedu x’tip ta’ edukazzjoni reliġjuża jridu jagħtu lil uliedhom.

Il-Libertà tal-Kuxjenza

“Din hi liġi li tinteressana bħala Knisja Kattolika biex inkunu nistgħu nfasslu ftehim ġodda li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Kattolika u l-Istat tal-Bolivia”.

Dwar il-Libertà tal-Kuxjenza, l-Isqfijiet fakkru fil-każ ta’ żewġ tobba li rrifjutaw li jwettqu abort.  “Barra mill-kunsiderazzjonijiet tekniċi u legali li l-każ jimmerita, bħala Knisja Kattolika f’diversi okkażżjonijiet esprimejna l-bżonn li l-Istat jirrikonoxxi d-dritt tal-oġġezzjoni ta’ kuxjenza f’dawn iċ-ċirkostanzi għax inqisu li l-ħarsien ta’ din il-libertà hu prijorità. Ħadd ma għandu jkun sfurzat li jagħmel xi ħaġa kontra l-kuxjenza.”.

Fl-aħħarnett, dwar l-abbużi fi ħdan il-Knisja, il-Konferenza Episkopali tenniet l-impenn tagħha li “timxi bi trasparenza, ġustizzja u karità” lejn il-vittmi jekk ikun hemm każi ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti fil-Bolivia.