L-Isqfijiet fi New Zealand iwissu li liġi proposta se ttellef id-drittijiet ta’ trabi fil-ġuf

L-Isqfijiet jiddefendu lit-tarbija fil-Ġuf.

L-Isqfijiet Kattoliċi ta’ New Zealand qed isostnu li l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Abort li se jkun diskuss fil-Parlament se jneħħi l-bżonn li jsiru testijiet dwar l-abort sal-20 ġimgħa tat-tqala u allura effettivament fil-pajjiż se jkun qed jiddaħħal l-abort kull darba li mara tiddeċiedi li trid tabortixxi.

L-Isqfijiet qed isostnu li jekk din il-liġi tkun approvata, it-trabi mhux mitwielda jitilfu l-ftit drittijiet li għandhom.

Fi stqarrija li ħarġu f’dawn il-ġranet l-Isqfijiet irrimarkaw li l-Kumitat Parlamentari dwar il-Liġi tal-Abort li twaqqaf biex jisma’ s-sottomissjonijiet tal-pubbliku dwar Liġi tal-Abort li se tissostitwixxi l-liġi eżistenti, qed jirrakkomanda li l-liġi l-ġdida tkun bażata fuq it-tielet mudell suġġerit mil-Law Commission fl-2018.

Huma esprimew il-biża’ li dan il-mudell I għażel il-Kumitat Magħżul tal-Parlament se jneħħi l-bżonn li jsiru testijiet għal abort sal-20 ġimgħa tat-tqala u allura kulħadd ikun jista’ jwettaq abort meta jrid u meta jfettillu.

Liġi vaga

Bil-liġi eżistenti, mara tista’ tagħmel abort sa 20 ġimgħa fit-tqala, taħt ċerti kundizzjonijiet, fosthom jekk ikun hemm periklu għas-saħħa fiżika jew mentali tal-mara u dan il-periklu jrid ikun ċertifikat minn tabib u konfermat minn żewġ konsulenti qabel tittieħed id-deċiżjoni.

Cynthia Piper, lecturer fit-Te Kupenga – Catholic Leadership Institute spjegat li fil-liġi proposta “mara tista’ tmur għand it-tabib tagħha”, iżda ma jissemma ebda test. Il-kliem tal-liġi tant hu vag li jħalli l-bieb miftuħ għal kull mara li tagħmel abort sal-aħħar moment tat-tqala qabel it-twelid tat-tarbija.

L-Isqfijiet sostnew li tarbija mhux mitwieled fejn il-fetu jkollu diżabilità se jkollu ferm anqas protezzjoni milli għandu bil-liġijiet eżistenti

L-Isqfijiet imħassba li l-liġi proposta se tneħħi “kull referenza għal abnormalitajiet fil-fetu filwaqt li l-liġi attwali ssemmi dawn l-abnormalitajiet bħala raġuni għal abort sa’ 20 ġimgħa mit-tqala u mhux aktar tard”.

Piper qalet li jekk tgħaddi l-liġi proposta, dan ikun ifisser li jekk ikun hemm xi abnormalità fil-fetu, mara tista’ tiddeċiedi li tagħmel abort sat-twelid – jiġifieri ma hemm ebda protezzjoni għat-tarbija mhux mitwielda.