L-Isqfijiet f’California jappellaw għal Konverżjoni Ekoloġika

Raġel iġorr kartellun waqt Mixja favur l-Ambjent bit-tema: “Isma l-karba tad-dinja u tal-fqar” ispirata mill-Enċiklika “Laudato si” tal-Papa Franġisku (Credit: CNS.)

Fir-raba’ anniversarju tal-enċiklika “Laudato si” tal-Papa Franġisku, l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ California ħarġu stqarrija pastorali mportanti li fiha sejħu għal konverżjoni ekoloġika madwar l-istat kollu.

“Alla jsejħilna lkoll biex nieħdu ħsieb id-Dar Komuni tagħna”, kienet pubblikata mill-Konferenza Episkopali ta’ California nhar it-Tlieta li għadda. L-Isqfijiet qed jappellaw biex California timplimenta dak li titlob “Laudato si” u toffri għodod ta’ tagħlim u evanġeliżazzjoni għall-komunitajiet Karroliċi u b’mod partikolari ż-żgħażagħ.

Id-dokument hu maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hi Kantiku għal California fejn wieħed isib tagħrif dwar l-istorja u l-biodiversita tal-istat ta’ California li tvarja mill-attività u l-pressjoni taħt l-art li jċaqalqu l-muntanji, għax-xita, il-widien, ix-xtut, il-bajjiet, il-kosta li kollha jikkontribwixxu biex wieħed jifhem xi tfisser li tkun tgħix f’California.

L-istqarrija tinnota li California hi d-dar ta’ speċi, pjanti u annimali aktar minn kull stat ieħor fl-Istati Uniti.

Inġustizzji u rovina tal-ambjent

Dwar l-istorja ta’ dan l-Istat l-Isqfijiet ifakkru fil-perjodu magħruf bħala il-“Gold Rush” u jfakkar li ħafna esplojtjaw ir-rikezzi tal-Istat għall-gwadann personali tagħhom u b’hekk ħolqu inġustizzji, irvinaw l-ambjent u għamlu ħsara lir-resident ta’ dan l-Istat speċjalment il-fqar u l-poplu indiġenu.

Id-Dokument ifakkar ukoll fin-nirien kbar li ħakmu California s-sena li għaddiet li kienu l-agħar fl-istorja u li ħarbtu kważi ħewġ miljun ettaru ta’ art u aktar minn 100 persuna mejta. “Il-ħsara bla precedent ta’ dawn in-nirien turi li xi ħaġa fil-ħolqien m’hix sew, m’hemmx bilanċ u dan iġiegħlna naraw kif nistgħu nieħdu ħsieb aħjar id-Dar Komuni tagħna”, qalu l-Isqfijiet.

L-Istqarrija Pastorali mbagħad titkellem dwar il-problemi li qed jiffaċċja l-istat ta’ California bħalissa fosthom il-ħtieġa li “jinstab bilanċ bejn ir-residenti ġodda li qed jaslu u l-ħolqien tal-infrastruttura meħtieġa biex ikunu provduti servizzi bħall-ilma, djar, edukazzjoni, mpjiegi u fl-istess waqt tkun preservata l-art fertili u jkunu protetti r-riżorsi naturali”.

Kundanna għall-abort u l-ewtanasja

L-istess kif jingħad f’ “Laudato si” id-Dokument tal-Isqfijiet juri r-rabta bejn li wieħed jieħu ħsieb ir-riżorsi naturali u t-tħaris tal-ħolqien kollu filwaqt li jikkundanna l-abort, l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit.

It-tieni parti tad-Dokument “Ngħixu l-Vokazzjonijiet Ekoloġiċi tagħna”, joffri firxa ta’ sfidi u rakkomandazzjonijiet lil diversi kostitwenti, fosthom il-familji, il-politiċi, in-negozjanti, liż-żgħażagħ u oħrajn.,

Għal dawk li huma proposti konkreti, l-Isqfijiet ta’ California qalu li “individwi u familji, irrispettivament humiex sinjuri jew fqar għandhom jibżgħu għall-enerġija fuq bażi regolari u joqgħodu attenti meta jiġu biex jixtru xi affarijiet għad-dar, karrozzi u saħansitra djar, kemm dawn se jkollhom bżonn jużaw enerġija.

Titjib fil-kwalità tal-arja

Huma appellaw lill-uffiċjali pubbliċi biex jagħmlu u jimplimentaw politika li ttejjeb il-kwalità tal-arja, isaħħu s-sistema tal-provvista tal-ilma u jassiguraw it-tranżizzjoni minn ekonomija bażata fuq iż-żejt għal oħra li ma tgħabbix lill-foqra b’aktar piżijiet.

L-artisti u l-innovaturi huma mħeġġa biex ifittxu modi kif jeżaltaw is-sbuħija natural ta’ California filwaqt li n-negozjanti u ndustrjalisti huma mitluba li jaħsbu kif fl-istrateġija tal-‘marketing’ tagħhom jippromwovu r-responsabbiltà ambjentali u jaraw li l-policies tagħhom ikunu jirrispettaw l-ambjent u jekk hemm bżonn jibdluhom.

L-Isqfijiet iħeġġu lill-familji u l-katekisti biex jgħallmu dak li hemm fl-Enċiklika Ambjentali “Laudato si” filwaqt li organiżazzjonijiet Kattoliċi fl-Istat intalbu jikkunsidraw kif jistgħu fil-postijiet u fil-ħidma tagħhom jieqfu jużaw enerġija li tiġi miż-żjut u jfittxu prattiċi enerġetiċi aktar effiċjenti u ndaf.

L-Isqfijiet għalqu d-Dokument tagħhom hekk: “Is-sema u l-art huma ta’ Alla, imma aħna msejħa biex nieħdu ħsiebhom sew. Nittamaw li din id-Dikjarazzjoni Pastorali tispira tweġibiet kreattivi għall-ħarsien tal-ħolqien f’California”.