L-Isqfijiet Ewropej jappellaw kontra l-vjolenza fl-Iraq

L-Isqfijiet Ewropej qed jappellaw lill-komunita’ internazzjonali biex tieħu azzjoni urġenti biex jitwaqqfu “l-atroċitajiet li qed isiru kontra l-komunita’ Nisranija u minoritajiet oħrajn fl-Iraq.”
F'ittra lill-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurta’ fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda, il-Kunsill tal-Isqfijiet Ewropej esprima t-tama li istituzzjonijiet oħrajn jingħaqdu f’dan l-appell b'kundanna għall-ksur ta’ drittijiet umani fl-Iraq. 
L-ittra tisħaq fuq il-bżonn urġenti li jittieħdu “passi umanitarji konkreti” biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ddisprata f'dan il-pajjiz.
L-Isqfijiet talbu għal għajnuna immedjata lill-ħafna refuġjati u tingħatalhom garanzija ta' sigurta' meta jerġgħu lura fl-ibliet u d-djar tagħhom.
Intant, il-Knisja Kattolika fl-Ewropa tesprimi solidarjeta’ ma’ dawk kollha li qed jesperjenzaw mumenti ta’ biża'.