L-Isqfijiet Ewropej b’messaġġ ta’ tama lill-istituzzjonijiet tal-UE

Photo by: Unsplash

Read in English.

Il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE) ħarġu messaġġ ta’ tama lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha.

Permezz tal-messaġġ ta’ tama, iffirmat ukoll mill-Arċisqof Charles Scicluna bħala l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, l-isqfijiet tal-Unjoni Ewropea jappellaw sabiex fi żmien il-pandemija, ilkoll naġixxu b’solidarjetà u tama, għaqda u djalogu, fiduċja u responsabbiltà. F’dan il-kuntest ta’ pandemija, il-Knisja Kattolika qed terġa’ ġġedded l-impenn sħiħ tagħha għat-tisħiħ tal-Ewropa.

L-isqfijiet sostnew li hemm bżonn li tinbeda fraternità universali li ma tħalli lil ħadd barra. Din l-ittra ġiet fid-dawl tal-ittra ppubblikata mill-Papa Franġisku dwar l-Ewropa. L-isqfijiet qed jindirizzaw b’mod partikolari il-ġlieda kontra l-coronavirus u l-isforz komuni li hemm bżonn isir biex ikun hemm rikoverar iċċentrat madwar il-persuni.

Il-Knisja Kattolika fl-Unjoni Ewropea tenniet li tinsab kommessa li tgħin fir-ristrutturar tal-Ewropa. Il-Knisja Kattolika talbet lill-poplu Ewropew, inkluż l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet biex jaġixxu b’solidarjetà, tama, unità u djalogu, fiduċja u responsabbiltà. “Il-Fidi titlob li noħorġu minnha nfusna u naraw lil xulxin, partikolarment lil dawk li qed isofru u jinsabu fil-periferiji tat-toroq tagħna, ħutna, u nkunu lesti li nagħtu ħajjitna għalihom ukoll.”