L-Isqfijiet Ewropej b’appoġġ għall-Isqfijiet Maltin biex jiġu salvati l-immigranti

COMECE

Read in English.

L-Isqfijiet tal-UE qed jappellaw lill-istati tal-unjoni biex ma jużawx il-coronavirus bħala skuża biex iħallu l-immigranti jmutu fil-Mediterran u appoġġjaw it-talba tal-Isqfijiet Maltin lill-Vatikan għal intervent dwar il-kriżi.

Skont is-sit Vatican News, il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE) appellat għal mekkażiżmu ta’ solidarjetà bejn l-istati membri b’refernza għall-każijiet fl-aħħar jiem ta’ immigrant li ma tniżżlux fl-eqreb port Ewropew.

Fi stqarrija l-COMECE qalet li taqsam it-tħassib li esprimew l-Isqfijiet Maltin b’rabta mas-47 persuna li nżammu fil-baħar fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Dawn imbagħad ittieħdu l-Libja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-COMECE Fr. Manuel Barrios Prieto qal li l-portijiet tal-Libja ma jistgħux jitqiesu bħala siguri. L-Isqfijiet qalu li l-UE għandha tappoġġja lill-istati membri tagħha biex l-immigranti jiġu salvati.

Il-liġi marittima tgħid li nies salvati fil-baħar jistgħu jitniżżlu biss f’port sigur.

Fr Barrios Prieto qal li l-immigranti ħafna drabi jkunu suġġetti għat-tortura, għall-vjolenza, u għat-trattament inuman meta jittieħdu lura lejn il-pajjiż minn fejn ikunu telqu.

Il-COMECE fakkret fi kliem il-Papa Franġisku meta qal li ma kinitx biss kwistjoni dwar l-immigranti imma kwistjoni li wieħed jara li ħadd ma jkun eskluż.

Fil-15 ta’ April l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex talbu lill-Vatikan biex jintervjeni fil-kriżi dwar l-immigranti fil-Mediterran.

F’ittra mibgħuta lill-Kardinal Parolin l-Isqfijiet Maltin talbu lill-Vatikan biex jintervjeni f’din il-kriżi u biex jappella għal soluzzjoni bbażata fuq is-solidarjetà u r-rispett għad-dinjità umana. Parolin huwa s-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede. L-ittra ġiet iffirmata mill-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, u s-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Fr Jimmy Bonnici.