L-Isqfijiet Brażiljani b’messaġġ qabel l-elezzjoni ġenerali: Il-“fake news” jagħmel ħsara lid-demokrazija

"Billi abdikaw għall-etika u għall-ġid komuni ħafna aġenti pubbliċi u privati saru protagonisti ta’ xenarju mċajpar li ma jawgurax tajjeb għall-pajjiż”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Isqfijiet Brażiljani fil-messaġġ tagħhom qabel l-elezzjonijiet ġenerali fil-pajjiż.
Il-messaġġ kien ippreżentat minn Mons. Murilo Krieger, Arċisqof ta’ Salvador u Primat tal-Brażil, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha kien akkumpanjat mill-Kardinal Sergio da Rocha u mill-Arċisqof Jaime Spengler ta’ Porto Alegre.
Il-messaġġ, intitolat: Elezzjonijiet 2018 – Impenn u Tama, jibda billi jikkwota lill-aħħar żewġ papiet.
Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika “Deus Caritas Est” qal li “ma jistax u m'għandux joqgħod lura fil-ġlieda għall-ġustizzja” u Papa Franġisku fl-ewwel Eżortazzjoni Apostolika tiegħu fejn kien qal li “L-Insara kollha, inkluż is-saċerdoti, huma msejħa biex jgħinu fil-bini ta’ dinja aħjar”. 
Minn dawn ir-rakkomadazzjonijiet l-Isqfijiet Brażiljani qalu li “nħarsu lejn ir-realtà Brażiljana bil-qalb ta’ rgħajja li huma mħassba dwar id-difiża integrali tal-ħajja u d-dinjità tal-persuni umani, speċjalment il-fqar u dawk esklużi”.
F’din is-sena tal-elezzjoni, il-Brażil għaddej minn żmien kumpless b’riżultat ta’ kriżi akuta li qed theżżeż is-sisien demokratiċi u tpoġġi fil-periklu l-ġid komuni. Is-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż titlob dixxerniment u impenn miċ-ċittadini kollha, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet reponsabbli għall-ġustizzja u għall-bini tal-ġid komuni, qalu l-Isqfijiet.
Huma fakkru li ħafna aġenti warrbu l-etika u għalhekk il-korruzzjoni refgħet rasha. “L-avvanzi fil-ġlieda korrotta tagħhom ma tikkonvinċi lil ħadd li xi darba l-korruzzjoni tinqered. U għalhekk qed jikber in-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu fil-politiċi”.
Papa Franġisku, fl-Enċiklika “Laudato Si” qal li “spiss il-politika stess hi responsabbli biex tiskredita lilha nfisha minħabba l-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ politika pubblika tajba”. F’dan l-isfond l-Isqfijiet qalu li n-nuqqas ta’ politika konsistenti fil-pajjiż hi l-kaġun ta’ problemi soċjali serji bħalma huma ż-żjieda fil-qgħad, il-vjolenza, il-vittimizzazzjoni ta’ eluf ta’ persuni, partikolarment in-nisa, l-fqar, is-suwed u l-poplu indiġenu”.
“Barra minn dan, it-telf tad-drittijiet u tal-progress soċjali li huma riżultat ta’ ekonomija li ħsiebha biss fl-interessi tas-suq, żiedu n-numru ta’ foqra u persuni vulnerabbli. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet urġenti fosthom is-sitwazzjoni tal-priġunieri li qed twassal għal ħafna rvellijiet li jiswew numru ta’ ħajjiet. Id-diskors u l-atti ta’ intolleranza, il-mibegħda, il-vjolenza anke f’manifestazzjonijiet pubbliċi juru polarizzazzjoni u radikalizzazzjoni li jwasslu għal sitwazzjonijiet antidemokratiċi li la jħallu d-djalogu u anqas ir-rikonċiljazzjoni”, jgħid il-messaġġ.
F’dan il-kuntest l-elezzjonijiet tal-2018 għandhom sinjifikat importanti. Iridu jiggarantixxu t-tisħiħ tad-demokrazija biex il-poplu Brażiljan ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala ċittadin. Hemm bżonn li l-Brażil jafferma n-normalità demokratika, jegħleb il-kriżi istituzzjonali preżenti u jiggarantixxi l-indipendenza u l-awtonomija tal-Eżekuttiv, il-Leġiżlattiv u l-Ġudizzjarju u jevita l-politiċizzazzjoni tal-ġustizzja.
"Hu imperattiv li l-elezzjonijiet jitmexxew fuq prinċipji demokratiċi u etiċi biex il-poplu jerġa’ jikseb il-fiduċja fil-pajjiż. Il-ġid komuni irid imexxi l-kuxjenza u l-qalb kemm tal-kandidati kif ukoll tal-votanti", qalu l-Isqfijiet.
Fl-elezzjonijiet wieħed m’għandux jabbanduna l-prinċipji etiċi u l-provvedimenti tal-liġi, fosthom il-valur u l-importanza li wieħed imur jivvota u l-impenn li kulħadd jipparteċipa b’mod effettiv biex jinbena pajjiż ġust, etiku u egalitarju.
Għalhekk hu fundamentali li wieħed ikun jaf u jevalwa l-proposti u l-ħajja tal-kandidati għax b’hekk il-kandidati jkollhom ċans juru x’pajjiż iridu jibnu. Kandidati li jċedu għal ekonomija li tpoġġi l-profitt fuq kollox u ma jaħdmux għall-ġid komuni ma jixirqilhomx ikunu eletti, wissew l-isqfijiet.
Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet Brażiljani wissew dwar il-“fake news” li qed jixxerred tul il-kampanja elettorali u li qed jagħmel ħsara kbira lid-demokrazija.
"Nitolbu l-Mulej jagħtina aktar politiċi li verament għandhom għal qalbhom is-soċjetà, il-poplu u l-ħajja tal-fqar”, temmew jgħidu.