L-Isqfijiet Brażiljani bi ktejjeb dwar x’għandu jsir f’każi ta’ abbużi sesswali mill-kleru

L-Isqfijiet Brażiljani jadottaw "tolleranza zero" f'każi ta' abbużi sesswali

Wara li kisbet l-approvazzjoni tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi, il-Konferenza Episkopali Brażiljana li hi l-Konferenza tal-akbar pajjiż Kattoliku fid-dinja, adottat ktejjeb li fih x’għandhom jagħmlu d-djoċesijiet meta jkun hemm każ ta’ abbuż sesswali mill-kleru.

Il-ktejjeb publikat f’Marzu wara li saru fih diversi tibdiliet mill-abbożż oriġinali, fuq suġġerimenti tal-Vatikan, hu parti minn sforz kbir mill-Knisja fil-Brażil minħabba t-tħassib dwar dan l-abbużi.

Tolleranza zero

Fid-daħla tal-ktejjeb hemm dikjarazzjoni li tgħid li: “Il-Konferenza Brażiljana tal-Isqfijiet Nazzjonali, permezz ta’ dan id-dokument, tirriafferma li se tadotta politika ta’ tolleranza zero, bla ebda eċċezzjoni, f’każi ta’ abbużi sesswali fuq minuri, hekk kif afferma l-Papa Franġisku: “Fil-Knisja m’hemmx post għal dawk li jikkommettu dawn l-abbużi u nimpenja ruħi li ma nittollerax ħsara lil xi minuri minn xi individwu, kemm jekk qassis u anke jekkmhux.”

Għalkemm it-titlu tal-ktejjeb isemmi l-vittmi, parti kbira minnu tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jkun trattat qassis – jew persuna oħra li taħdem fil-Knisja, li jkunu akkużati li abbużaw minn minuri.

It-tieni parti tal-ktejjeb tippreżenta aspetti kanoniċi u legali u tikkwota digriet li kien ħareġ Papa Ġwanni Pawlu II fl-2001 li jgħid li nuqqasijiet gravi ħafna – bħalma hu l-abbuż sesswali – huma riservati għall-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi.

Id-dokument tal-Isqfijiet Brażiljani jispjega fid-dettal x’għandu jsir waqt l-investigazzjoni preliminari u l-miżuri prekawzjonali li għandhom jittieħdu kontra l-akkużat – inkluż restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet saċerdotali sa projbizzjoni milli jattendi għal quddies pubbliku.

Għajnuna għal konversjoni u fejqan

Matul dan il-proċess, il-vittma u l-akkużat għandhom jingħataw kull għajnuna biex tkun stabbilità mill-ġdid id-dinjità umana tagħhom u għajnuna għall-konversjoni u fejqan.  Jekk fil-kors tal-investigazzjoni jinstab li l-akkużat mhux ħati dan, għandu jkun riabilitat immedjatament.

F’każ simili is-saċerdot jew lajk akkużat għandu jingħata għajnuna spiritwali u psikoloġika urġenti. L-Isqof għandu jkellmu b’mod ċar u fratern. Il-vittma u l-familja tiegħu għandhom jingħataw għajnuna psikoloġika u spiritwali, fi sforz biex dawn jirrikonċiljaw mal-Knisja.

Dan il-proċess jinkludi wkoll il-maħfra. “Il-maħfra ma jfissirx li tiġġustifika l-vjolenza jew teħles lil min wettaqha mill-konsegwenzi tar-reat. Il-maħfra tista’ twassal għal fejqan veru”.

Il-parti finali tal-ktejjeb titkellem mill-prekawzjonijiet meħtieġa fejn tidħol l-għażla tas-seminaristi. Fiż-żmien tal-preparazzjoni għas-saċerdozju importanti li wieħed ikun attent għall-motivazzjoni tal-kandidati biex jidħlu fis-seminarju u għandhom isiru testijiet psikoloġiċi u intervisti biex jgħinu jsiru magħrufa xi motivazzjonijiet li wieħed ikollu bla ma jrid.