Filmat: L-Isqfijiet bi stedina speċjali għalik fl-1 ta’ Jannar

L-Isqfijiet flimkien mal-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jistednuk sabiex tipparteċipa fil-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar 2019.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li “Jiena naf il-vokazzjoni tiegħi bħala saċerdot nafha lil persuna b’diżabilità għax kont nipprova ngħinu. Il-Mulej jgħin lil min jagħti b’qalb kbira.”

Din il-Festa ssir sabiex jinġabru l-flus għad-Dar tal-Providenza. Waqt il-Festa l-pubbliku se jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti u jara l-proġetti li jsiru f’din id-Dar u li għalihom jintużaw il-fondi li jinġabru minn din il-Festa. L-għajnuna tiegħek f’din il-Festa se tgħin biex id-Dar tal-Providenza tkompli xxerred il-messaġġ u l-ħidma tagħha fis-soċjetà li turi rispett lejn persuni b’diżabilità u titrattahom bid-dinjità li jistħoqqilhom, kif ukoll toffrilhom l-għażla u l-opportunitajiet li għandhom id-dritt li jkollhom bħal kulħadd.

Il-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir waqt din il-Festa se tibda fid-9am b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar tal-Providenza u tintemm għall-ħabta ta’ nofs il-lejl u se tkun qed tixxandar live fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-televixin.

Għal iktar dettalji wieħed jista’ jidħol fil-ħolqa uffiċċjali tal-avveniment minn hawnhekk.