L-Isqfijiet Belġjani jridu dibattitu dwar l-abort

L-Isqfijiet Belġjani jitolbu għal dibattitu serju dwar l-abort

Wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat fil-Belġju kien hemm bosta politiċi li tkellmu dwar l-abort biex titwessa’ l-liġi attwali biex tagħti lok għal aktar kundizzjonijiet li jippermettu l-abort, nhar it-Tlieta li għadda l-Isqfijiet Belġjani ppublikaw dikjarazzjoni fejn esprimew it-tħassib tagħhom li fil-futur l-abort jibda jitqies bħala “intervent mediku ordinarju” bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.

Sena ilu, il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-poplu eletti fil-Parlament ivvutaw biex ineħħu l-Kodiċi Kriminali tal-pajjiż u minfloku kien introdott Kodiċi Penali ieħor li jagħmel pieni kriminali fuq nisa u tobba jekk iwettqu abort ‘l hinn minn dak li tippermetti l-liġi.

Fil-liġi l-ġdida baqgħet iżżomm li ma jistax isir abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala. Il-liġi tobbliga lil tabib li jirrifjuta li jagħmel abort li jagħti lill-mara id-dettalji ta’ tabib ieħor li jkun lest li jagħmlu.

Sar ukoll illegali li wieħed ifixkel l-aċċess għal faċilità li toffri l-abort. Dan sar biex ifixkel il-ħidma ta’ dawk li huma favur il-ħajja.

Bidla fit-tifsira

Issa, xi leġislaturi qed jikkunsidraw aktar bdil fil-liġi dwar l-abort. Uħud iridu jwessgħu l-perjodu meta jsir abort għal 18-il ġimgħa, filwaqt li jnaqqsu l-perjodu ta’ riflessjoni minn sitt ijiem għal jumejn.

L-Isqfijiet Belġjani jsostnu li bidla bħal din mhix biss bidla fil-prattika imma saħansitra fit-tifsira tal-abort u permezz tagħha l-abort isir “intervent mediku ordinarju”.

Jekk xi wħud irid jaraw l-abort bħala att mediku sempliċi, “żgur li għal min jgħixu mhux xi ħaġa sempliċi”, tgħid id-dikjarazzjoni tal-Isqfijiet.

“Jekk il-liġi tqis l-abort bħala intervent ordinarju ma tkunx qed tqis l-esperjenza u dak li jħossu dawn in-nisa. Inkunu qed nirriskjaw li nżidu n-niket u s-solitudni ta’ dawk milquta”.

L-Isqfijiet żiedu jgħidu li jekk l-abort ikun kunsidrat bħala att mediku ordinarju, l-abort ikun qed isir dritt u dan iqajjem ħafna mistoqsijiet.

Anke tobba li jinvokaw id-dritt tal-libertà tal-kuxjenza tagħhom, se jsibuha ferm aktar diffiċli anke jekk dan id-dritt jibqalhom.

Il-ħajja f’dibattitu

“Is-Saltna tad-Dritt tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dinjità umana u l-integrità fiżika ta’ Kulħadd”, komplew l-Isqfijiet filwaqt li jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet oħra.

X’differenza se tagħmel jekk inħallu t-tarbija titwieled? Għaliex qed ngħidu li jekk ma twelditx ma hemmx ħajja? Fejn hu l-limitu? Għaliex fid-dibattitu dwar l-abort dawn il-mistoqsijiet qatt jew ftit li xejn iqumu u jkunu mwieġba?

Fl-aħħarnett il-Knisja fil-Belġju qalet li “din hi problema li tolqot is-soċjetà kollha u lilna lkoll. “Għalhekk wieħed ma jifhimx għaliex suġġett tant important u sensittiv qed nittrattawh bil-għaġġla u mingħajr dibattitu sostantiv?”