L-isqfijiet awżiljarji minn żmien l-Ingliżi

“Mons. Joseph Galea Curmi huwa d-disa’ isqof awżiljarju tad-Djoċesi ta’ Malta fl-epoka kontemporanja, jiġifieri mill-bidu tal-ħakma Ingliża sal-lum”.

Hekk qal ma’ Newsbook.com.mt  l-Arkivista Djoċesan u storiku r-Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet li pprovdilna wkoll tagħrif dwar kull wieħed minn dawn l-isqfijiet.

Salvatore Gaffiero (1828-1906): Qassis mill-Isla, li nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, nhar it-28 ta’ Novembru 1898, bit-titlu tas-sede ta’ Selymbria, fl-Italja. Ikkonsagrat isqof nhar il-15 ta’ Jannar 1899, mill-Isqof Pietru Pace. Miet qabel l-Isqof Pace, fit-8 ta’ Diċembru 1906.

Paolo Rosario Farrugia (1836-1907): Għawdxi mix-Xagħra. Inħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, fit-3 ta’ Ġunju 1907, bit-titlu tas-sede ta’ Hamatha, fis-Sirja. Ġie kkonsagrat isqof fis-7 ta’ Lulju 1907, mill-Kardinal Rafael Merry del Val y Zulueta. Miet qabel għeluq l-istess sena, fil-21 ta’ Diċembru 1907.

Angelo Portelli (1852-1927): Dumnikan li nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, fit-31 ta’ Marzu 1911, bit-titlu tas-sede ta’ Selinus, fi Sqallija. Ikkonsagrat isqof fl-14 ta’ Mejju 1911, mill-Isqof Pietru Pace. Serva wkoll bħala awżiljarju tal-Arċisqof Mauro Caruana u miet fid-19 ta’ Ġunju 1927.

Emanuele Galea (1891-1974): Qassis mill-Isla, li nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Dom Mauro Caruana meta t-Tieni Gwerra Dinija kienet għadha għaddejja, fid-9 ta’ Ġunju 1942, bit-titlu tas-sede ta’ Tralles, fl-Asja. Ġie kkonsagrat isqof fil-5 ta’ Lulju 1942, mill-Arċisqof Mauro Caruana, assistit mill-Isqof Mikiel Gonzi. Peress li l-gwerra mal-Italja kienet għadha għaddejja, ma nstabx it-tielet isqof kokonsagranti. Serva fit-tul lill-Arċisqof Gonzi, u miet b’fama ta’ qdusija, fil-21 ta’ Awwissu 1974.

Emanuele Gerada (1920-2011): Dan l-ewwel inħatar awżiljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi, fil-15 ta’ Frar 1967, bit-titlu tas-sede ta’ Nomentum, fl-Italja, u fis-6 ta’ April 1968 inħatar koadjatur. Ġie kkonsagrat isqof fit-18 ta’ Ġunju 1967, mill-Isqof Mikiel Gonzi. Temm il-missjoni tiegħu f’Malta fit-8 ta’ Novembru 1973, bil-ħatra tiegħu bħala nunzju f’El Salvador.

Ġużeppi Mercieca (1928-2016): Qassis mir-Rabat, Għawdex. Inħatar isqof awżiljarju fl-20 ta’ Lulju 1974, bit-titlu tas-sede ta’ Gemellae, fin-Numidia. Ikkonsagrat isqof fid-29 ta’ Settembru 1974, mill-Isqof Mikiel Gonzi. Wara r-riżenja tal-Arċisqof Gonzi fid-29 ta’ Novembru 1976, inħatar Arċisqof ta’ Malta b’mod immedjat. Għalhekk huwa l-ewwel każ, fi żmien li qed nikkunsidraw, li fih awżiljarju segwa bħala arċisqof f’din is-sede.

Annetto Depasquale (1938-2011): Qassis minn Ħal Qormi. Kien vigarju ġenerali u nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Mercieca fis-16 ta’ Novembru 1998, bit-titlu tas-sede ta’ Aradi, fl-Afrika tan-Nord. Kien ikkonsagrat isqof fit-2 ta’ Jannar 1999, mill-Arċisqof Mercieca.  Baqa’ jservi lill-Arċisqof Mercieca, anke meta kien mgħobbi bil-mard, sal-mewt tiegħu fid-29 ta’ Novembru 2011.

Charles Jude Scicluna (1959): Qassis Malti mwieled Toronto, il-Kanada. Mons. Scicluna nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Cremona fis-6 ta’ Ottubru 2012, bit-titlu tas-sede ta’ San Leone, l-Italja. Bir-riżenja tal-Arċisqof Cremona fit-18 ta’ Ottubru 2014, is-sede ta’ Malta sfat vakanti, u Mons. Scicluna nħatar amministratur appostoliku tagħha. Inħatar Arċisqof ta’ Malta fis-27 ta’ Frar 2015, u ħa l-pusses tad-djoċesi fil-21 ta’ Marzu 2015.