L-Isqfijiet Awstrijaċi b’solidarjetà ma Sarajevo

L-Isqfijiet Awstrijaċi din is-sena għamlu l-Laqgħa Plenarja tar-Rebbiegħa flimkien mal-Isqfijiet ta’ Sarajevo biex jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li wara 22 sena wara l-Gwerra tal-Balkani, fil-Boznia-Herzegovina għad m'hemmx paċi ġenwina u allura riedu juru s-solidarjetà tagħhom mal-Kattoliċi tal-Bosnia li huma f’sitwazzjoni prekarja.
Filwaqt li l-belt ta’ Sarajevo hi mudell tat-tolleranza reliġjuża fejn Lhud, Insara u Musulmani għexu flimkien għal aktar minn seklu, il-Gerra tal-Balkani bejn l-1192 u l-1995, għamlet ħerba sħiħa f’din il-belt u mietu eluf ta’ persuni. L-emarġinazzjoni reliġjuża li kien hemm fi żmien il-gwerra għadha teżisti sal-lum u għad trid tingħeleb, qalu l-Isqfijiet fi stqarrija.
“Jekk il-Bosnia-Herzegovine titħalla ssir membru tal-Unjoni Ewropea ma jkunx ta’ ġid biss għall-futur politiku u ekonomika ta’ dan il-pajjiż, imma tagħti spinta wkoll lill-kooperazzjoni reliġjuża fl-Ewropa”, sostna mal-ġurnalisti il-Kardinal Christoph Schonborn.
Il-Kardinal qal li kellu laqgħa twila mal-mexxej tal-Komunita’ Musulmana fil-Bosnia li assigurah li l-Musulmani fil-Bosnia jixtiequ jżommu “il-forma ta’ Islam moderat” li jipprattikaw u jirreżistu forma aktar radikali ta’ Islam li qed jersaq lejn il-pajjiż.
L-Isqof Alois Schwaz, li d-djoċesi Awstrijaka tiegħu għandha ġemeleaġġ mad-djoċesi ta’ Sarajevo qal li l-Islam fil-Bosnia sar aktar fundamentalist wara l-Gwerra tal-Balkani minħabba l-influwenza u l-għajnuna finanzjarja li l-pajjiż jirċievi minn pajjiżi Musulmani. Dan wassal biex żdiedu l-Musulmani filwaqt li l-numru ta’ kattoliċi fil-pajjiż naqas bin-nofs.
L-Isqof Franjo Komarica ta’ Banja Luka qal li s-sitwazzjoni tal-Kattoliċi hi prekarja ħafna fil-parti Serba tal-Bosnia. Qal li ebda djoċesi fl-Ewropa ma sofriet daqs id-djoċesi tiegħu u b’danakollu ma ngħatax permess biex jerġa’ jibni xi knejjes u binjiet reliġjużi oħra li tkissru.