L-Isqfijiet Awstraljani jwissu kontra l-mibegħda u l-firda fid-dinja diġitali

Id-dinja diġitali għandha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi wkoll

L-Isqfijiet Kattoliċi fl-Awstralja l-ġimgħa li għaddiet ħarġu stqarrija importanti dwar il-komunikazzjoni diġitali u appellaw lis-soċjetà kollha biex tegħleb il-mibegħda, il-firda u l-esplojtazzjoni li ssir fuq il-media elettronika.

L-istqarrija ħarġet bi preparazzjoni  għall-Ħadd tal-Ġustizzja Soċjali li l-Knisja Kattolika fl-Awstralja tiċċelebra fid-29 ta’ Settembru.

Bit-tema: Ejja nagħmluha reali – Laqgħa umana ġenwina fid-dinja diġitali”, l-Isqof ta’ Sydney, Mons Vincent Lang Van Nguyen li hu wkoll Chairman tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi tal-Konferenza Episkopali, ħabbar iċ-ċirkolari nhar il-Ħadd li għadda.

Niddefendu d-dinjità umana

Fl-istqarrija, il-Konferenza Episkopali Awstraljana qalet li l-Gvernijiet, in-negozju u l-komunità jridu jkunu aktar proattivi biex jiddefendu d-dinjità tal-bniedem.  Kulħadd għandu jaħdem flimkien biex nagħmlu d-dinja diġitali post ta’ laqgħa umana ġenwina.

L-istqarrija tistieden lill-poplu biex jirrifletti dwar kif l-internet bidel id-dinja tal-komunikazzjoni, tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tan-negzju u kif il-bniedem jista jikkontribwixxi lejn dinja diġitali aktar armonjuża.

Fid-Daħla tad-dokument ta’ 20 faċċata, l-Isqof Awżiljarju Terrence Brady ta’ Sydney kiteb li waqt li d-dinja diġitali għenet biex in-nies jikkomunikaw aktar minn qatt qabel, tista’ tkun ukoll post ta’ manipulazzjon, esplojtazzjoni u saħansitra vjolenza.

Problemi morali

“Dan jitlob minnha ċittadinanza attivà, għax dawn il-problemi huma aktar morali milli teknoloġiċi. Aħna nistgħu nagħżlu l-mod kif inġibu ruħna ‘online’ u flimkien nistgħu nfasslu id-dinja diġitali u nibnu soċjetà aktar ġusta u ħanina”.

L-Isqfijiet fl-Awstralja qalu li qed jidher ċar ħafna li l-pjattaformi diġitali jinħtieġu governanza għaqlija u biex jintlaħaq dan hemm bżonn ta’ kooperazzjoni internazzjonali. “Il-ġid komuni jitlob regolamentazzjoni u mhux inħallu l-pjattaformi jmexxu lilhominfushom”.

Huma fakkru f’dak li jgħid Papa Franġisku li mhux biss jgħid li din it-teknoloġija toffri potenzjal kbir “inkontru uman ġenwin” fl-ispazju diġitali imma jwissi wkoll kontra elementi fid-dinja diġitali li jagħmlu ħsara bħalma hu l-iżolament soċjali, l-emarġinazzjoni tal-persuni vulnerabbli, il-konsumeriżmu, l-aħbarijiet foloz, fost l-oħrajn.

It-teknoloġiji diġitali, b’mod speċjali l-media soċjali, jipprovdu pjattaforma perfetta għal imġieba li toffendi d-dinjità umana. Fost dawn, wieħed isemmi l-esplojtazzjoni u t-traffikar tan-nisa u t-tfal, produzzjoni u tixrid ta’ materjal pornografiku u jippreżentaw is-sess bħala oġġett.

Nofs id-dinja ‘online’

L-istqarrija tfakkar li din is-sena jaħbat it-30 anniversarju tal-“World Wide Web”. Il-media soċjali bħal MySpace, Facebook, Twitter, YouTube, Instagram u oħrajn, irrivoluzzjonaw il-mod kien in-nies jokkomunikaw, kif jaħdmu, kif jitgħallmu, kif jagħmlu n-negozju, kif jiddevertu u kif jissoċjalizzaw.

Nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa hi ‘online’. Aktar minn 4.3 biljun persuna jużaw l-internet u 3.5 biljun oħra jużaw il-media soċjali.  Fl-Awstralja dan il-fenomenu wkoll kiber b’mod mgħaġġel u llum hemm aktar minn 20 miljun persuna fuq l-internet u 18-il miljun jużaw il-media soċjali.

Filwaqt li jagħrfu l-ħafna benefiċċji tat-teknoloġija, l-Isqfijiet ilmentaw ukoll li d-diviżjoni diġitali qed tikber.  Kważi 1.8 miljun dar fl-Awstralja ma għandhom konnessjoni tal-internet u dan qed joħolqilhom żvantaġġi kbar.

L-Isqfijiet Awstrljani temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li “Aktar ma jkun hemm servizzi essenzjali bħalma huma l-banek, li jimxu ‘online’, l-inklużjoni diġitali ssir mandatorja biex wieħed ikun jista’ jkollu parteċipazzjoni bażika fis-soċjetà biex ħadd minn ħutna ma’ jibqa’ barra mit-triq diġitali”.