L-Isqfijiet Awstraljani jipproteġu s-sigriet tal-qrar

L-Isqfijiet Awstraljani determinati li jibqgħu jiddefendu s-sigriet tal-qrar

F’risposta li kienet ferm mistennija għar-Rapport tal-Kummissjoni Rjali dwar l-abbużi fuq it-tfal, il-Knisja Kattolika Awstraljana ħabbret li se taċċetta u timxi ma’ 98% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni – iżda ċaħdet bil-qawwa kollha s-sejħa tal-Kummissjoni biex jitneħħa s-Sigriet tal-Qrar.

L-Isqfijiet indikaw rieda b’riserva li jibdlu r-rekwiżit tal-Knisja dwar iċ-ċelibat u esprimew ir-rieda li jemendaw il-Liġi Kanonika biex titneħħa l-ħtieġa li jkunu distrutti d-dokumenti wara li jmut qassis jew għaxar snin wara xi sentenza.

Ir-rapport ta’ 57 paġna kien pubblikat fill-Konferenza Episkopali Awstraljana u l-Catholic Religious Australia u jgħid li x-Xogħol tal-Kummissjoni Rjali kien ta’ servizz kemm għall-Knisja kif ukoll għall-Istat. L-Isqfijiet innutaw li r-risposta tagħhom kienet fl-ispirtu tal-Ittra ta’ Papa Franġisku lill-Poplu t’Alla, fejn ammetta n-nuqqasijiet kbar tal-Knisja fuq il-protezzjoni tal-minuri u l-ħabi fejn wiegħed rifoma globali.

Dwar il-kwestjoni tas-Sigriet tal-Qrar, ir-rapport tal-Knisja qal li l-proposta tal-Kummissjoni hi “kontra l-libertà reliġjuża” mhux biss għall-Knisja Kattolika imma għal reliġjonijiet oħra wkoll. Il-Knijsa wiegħdet li l-Konfessjonarju ikun post sigur għall-minuri u li hi se tipprovdi aktar edukazzjoni għall-konfessuri u s-seminaristi dwar din is-sigurtà.

“It-tfal ikunu anqas siguri jekk ikun mandatorju li dak li jsir magħruf fil-qrar ikun rappurtat: l-okkażżjoni rari fejn min jabbuża jew il-vittma,  jitkellmu dwar abbuż waqt il-qrar, issir aktar rari, jekk il-kunfidenzjalità u s-segretezza tal-Qrar ikunu mminati; u allura tintilef opportunità biex min jabbuża jkun inkoraġġit biex jirrapport hu stess lill-awtoritajiet ċivili jew biex il-vittmi ifittxu l-kenn,” jgħid ir-rapport tal-Isqfijiet.

Għal dak li għandu x’jaqsam maċ-ċelibat, il-Knisja aċċettat li b’konsultazzjoni mas-Santa Sede, teżamina r-rekwiżiti għaċ-ċelibat mandatorju skont il-Liġi Kanonika u l-kunsulenti teoloġiċi.

Ir-rapport innota li l-Kummissjoni Rjali ma sabet ebda konnessjoni bejn iċ-ċelibat u l-abbużi fuq it-tfal u żied jgħid li “ċ-ċelibat volontarju hi prattika pożittiva li ilha stabbilita fil-Knisja kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent partikolarment għall-Isqfijiet u dawk f’ħajja reliġjuża.”

Il-Knisja fl-Awstralja qablet ukoll li f’konsultazzjoni tal-Vatikan tkun lesta taġġorna l-Liġi Kanonika fejn tgħid li “dokumenti dwar każi kriminali kanoniċi f’każi morali” ma jkunux distrutti wara l-mewt tal-qassis jew sa għaxar snin wara li jkun skonta s-setenza, biex kawżi ċivili jkunu jistgħu jkomplu jsiru.

“Il-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument flimkien mar-rapport finali tal-Kunsill tal-Verità, Ġustizzja u Fejqan, għall-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż, jimmarka pass sinjifikanti fil-vjaġġ li se nkomplu fil-futur”, jgħid ir-rapport iffirmat mill-Isqfijiet Awstraljani u l-Ordnijiet Reliġjużi.