L-Isqfijiet Awstraljani jappoġġjaw liġi dwar il-Bidla fil-Klima

L-Isqfijiet Kattoliċi fl-Awstralja qed jappoġġjaw proposta ta’ Liġi dwar il-Bdil fil-Klima li għandha l-iskop li tipprovdi qafas nazzjonali għal azzjonijiet f’każi ta’ emerġenza ta’ tibdil fil-klima.

Fi stqarrija l-organiżazzjoni Kattolika “Earthcare Australia”, li hi aġenzija ekoloġika mwaqqfa mill-Konferenza Episkopali Awstraljana, qalet li l-Isqfijiet taw l-appoġġ tagħhom ‘fil-prinċipju” għall-abbozz imressaq minn membru parlamentari, biex tissaħħaħ l-azzjoni dwar il-bdil fil-klima.

 In-nirien li ilhom iħeġġu fl-Awstralja għal diversi ġimgħat. Sal-lum diġa’ ħallew 28 persuna mejta, qerdu aktar minn 2,500 residenza filwaqt li foresti u art arikola, id-daqs tal-Bulgarija kollha, inqerdu għal kollox. Aktar minn biljun annimal ta’ diversi speċi hu kalkulat li nqatlu flimkien ma’ xi flora unika u ekosistemi saru rmied.

Bernard Holland, direttur ta’ “Catholic Earthcare” li f’pajjiżi oħra, liġijiet bħal dik proposta fl-Awstralja urew it-triq ‘l quddiem f’mumenti diffiċli bħal dak li għaddej minnhom il-kontinent Awstraljan.

Il-liġi li bħalissa qed tkun abbozzata minn uffiċċju speċjali tal-Parlament se twaqqaf qafas għal Pjan Nazzjonali li jidħol fis-seħħ u jkun aġġornat mill-Gvern Awstraljan.

L-Isqof Vincent Long li jmexxi l-Kummissjoni għall-Ġustizzja Ekoloġiku u l-Iżvilupp, tal-Konferenza Episkopali, ddesskriva l-liġi proposta bħala waħda li ġiet fiż-żmien propizju.

Solidarjetà u talb

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Konferenza Episkopali ħarġet stqarrija fejn talbet għas-solidarjetà u talb għal dawk milquta min-nirien. L-istqarrija tgħid li “normalment l-Isqfijiet iwieġbu għal sfidi fuq livell parrokkjali jew djoċesan, il-kobor ta’ din il-kriżi jitlob jitlob risposta fuq livell nazzjonali mill-Knisja kollha”.

L-isqfijiet qed jappoġġja kampanja ta’ donazzjonijiet imnedija mis-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul u qalu li se jikkollaboraw mas-servizzi nazzjonali tas-saħħa u servizzi soċjali biex ikun assigurat li jkun hemm risposta effettiva mill-komunità Kattolika kollha f’każi bħal dawn.

 “Il-Knisja li għandha għeruq sodi madwar l-Awstralja kollha, lesta li timxi mal-poplu fil-mixja għall-fejqan”, qalu l-Isqfijiet filwaqt li ġeddew is-sejħa biex isir talb għal dawk li ntlaqtu min-nixfa u n-nirien, għal dawk li tilfu ħajjithom u l-familji tagħhom u biex tinżel ix-xita biex ħalli ttaffi n-nirien u biex ikun hemm azzjoni urġenti biex inħarsu d-dar komuni tagħna.