Sena qabel l-elezzjonijiet nazzjonali fl-Istati Uniti s-sena d-dieħla, il-Konferenza Episkopali Amerikana nidiet inizjattiva ta’ sena sħiħa li tistieden lill-Kattoliċi Amerikani biex jimxu b’mod ċivili, b’imħabba għall-proxxmu u b’rispett għad-djalogu.
Il-kampanja bit-tema: Civilize It – Id-Dinjità qabel id-Dibattitu”, tistieden lill-insara Amerikani, familji, komunitajiet u parroċċi biex fis-sena tal-elezzjoni ġenerali jimxu b’mod ċivili.
L-inizjattiva li qed tkun adottata minn diversi djoċesijiet u parroċċi mxerda mal-Istati Uniti, hi mibnija fuq l-għarfien li kuell persuna – anke dawk li ma naqblux magħhom – hu iben maħbub t’Alla u jgawdi dinjità sħiħa.
Tħejja materjal biex jgħin fit-tixrid u t-tħaddim ta’ din il-kampanja li jinkludinumru ta’ ideat li jgħinu lill-Kattoliċi u lil dawk ta’ rieda tajba biex juru rispett u kumpassjoni. “Civilize It” hi stedina biex fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, nimxu fuq l-eżempju ta’ Kristu, inkluż fil-laqgħat ta’ bejnietna permezz ta’ djalogu ċivili.
L-Isqof Frank J. Dewane, Chairman tal-Kumitat tal-Konferenza Episkopali dwar il-Ġustizzja u l-Iżvilupp Uman, enfasizza l-importanza ta’ din il-kampanj fil-kuntest tal-klimea diviżiva li tirrenja bħalissa fil-pajjiż kollu.
Bżonn il-fejqan
“Il-konverżazzjoni fil-pjazzez pubbliċi spiss tkun mimlija b’attakki personali u kliem mill-agħar kontra dawk li ma naqblux magħhom. Għandna bżonn il-fejqan fil-familji, fil-komunitajiet u fil-pajjiż kollu. Civilize It hi sejħa għall-Kattoliċi kollha biex jonoraw id-dinjità umana ta’ kull persuna li niltaqgħu magħha kemm fuq l-internet, madwar il-mejda tal-ikel jew fil-bank tal-knisja.
“Nistiednu lill-Kattoliċi kollha biex jipparteċipaw f’din il-kampanja. B’hekk ikunu qed jagħtu xiehda ta’ mod aħjar kif niddjalogaw b’mod ċivili, ċar u b’kumpassjoni u nistiednu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess”, appella l-Isqof Dewane.
“Civilize It” tibni fuq sforz simili li kien sar fl-Arċidjoċesi ta’ Cincinnati, f’elezzjoni preċedenti. Din qed issir flimkien ma sforz ekumentiku, imsejjaħ Golden Rule 2020, li jistieden lill-insara biex jimmudellaw il-valur tad-dinjità u ċ-ċiviltà u jippromwovu d-djalogu flok il-firda.