Partijiet minn trabi abortiti jintużaw għar-riċerka fl-Amerka; l-Isqfijiet kontra

Id-Direttur tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa tal-Istati Uniti, Dr Francis Collins, qed jiddefendi l-prattika tal-Istitut li jmexxi, li juża partijiet mill-ġisem ta’ trabi abortiti għal skopiiet ta’ riċerka u sostna li “riċerka fuq it-tessuti tal-fetu se tibqa’ tkun prattika ewlenija.”

Għal din id-dikjarazzjoni wieġeb Greg Schleppenbach, Direttur tas-Segretarjat Favur il-Ħajja tal-Isqfijiet Amerikani li qal li l-kummenti tad-Direttur tar-Riċerka huma inkwetanti ħafna.

“Ir-riċerka li tuża tessuti minn feti abortiti tmur kontra l-etika u m’għandhiex tkompli. L-użu ta’ fdalijiet ta’ fetu ġejjin minn abort tista’ tkun interpretata li qed tapprova l-abort għax hu sors importanti għar-riċerka. Dan l-użu jfisser li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija tal-abort.”

“Kull abort iwaqqaf qalb li qed tħabbat u inġustament iċaħħad lil uman bla difiża minn ħajtu jew ħajjitha. M’hemm xejn favur il-ħajja billi nkomplu nbiċċru dawn it-trabi abortiti billi nkomplu nqattgħu fihom u nagħżlu partijiet minnhom għal skopijiet ta’ riċerka.”

“Il-fdalijiet ta’ trabi abortiti huma fdalijiet umani u rridu ntuhom kull rispett li jixirqilhom. Miljuni ta’ Amerikani li huma favur il-ħajja iqisu din it-tip ta’ riċerka bħala waħda li toffendi moralment u ma jridux li l-flus li jħallsu f’taxxi jintużaw għal din ir-riċerka.”

“Ir-riċerka wriet il-ħila li nfittxu l-aqwa fir-riċerka b’konsegwenza li nevitaw il-ksur tad-drittijiet u d-dinjità umana ta’ kreaturi umani li jridu jitwieldu. Dr Collins jista’ u għandu jmexxi l-Istitut tar-Riċerka b’mod li jonora dawn iż-żewġ skopijiet u jinċentiva riċerka li l-Amerikani kollha jkunu lesti jappoġġjaw.”