L-Isqfijiet Amerikani jsejħu għal talb favur il-ħajja

Il-Kardinal Timothy Michael Dolan

Il-Kardinal Timothy Michael Dolan, Arċisqof ta’ New York u Chairman tal-Kumitat tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani għal Attivitajiet Favur il-Ħajja, fi stqarrija li ħareġ ftit jiem ilu, stieden lil dawk ta’ rieda tajba biex jingħaqdu f’kampanja ta’ talb biex il-bidla fil-Qorti Suprema Amerikana twassal biex kull persuna umana tkun protetta bil-liġi u mogħtija merħba fil-ħajja.

“Hekk kif l-Imħallef tal-Qorti Suprema Anthony Kennedy ħabbar li se jirtira mill-kariga tiegħu, gruppi favur l-abort bdew jaħdmu fost il-membri tas-Senat Amerikan biex jirrifjutaw kull nomina ta’ persuna għal din il-kariga, li ma twiegħedx li taqbel ma’ sentenza tal-Qorti Amerikana favur l-abort (Roe v Wade).

Filwaqt li l-Konferenza tal-Isqfijiet mhux se tappoġġja u lanqas topponi lil xi kandidat nominat għal din il-kariga, tħoss li għandha turi t-tħassib serju tagħha dwar proċess ta’ ħatra li qed ikun kontaminat minn sforzi biex dawk nominati jagħtu l-appoġġ tagħhom għal sentenza favur l-abort. Għalhekk hemm bżonn it-talb.

Għal dan l-iskop, kull nhar ta’ Ġimgħa bejn it-3 ta’ Awwissu u t-28 ta’ Settembru, il-Kardinal Dolan qed iħeġġeġ lill-poplu ta’ rieda tajba biex jingħaqad miegħu f’talb biex din il-bidla fil-Qorti Suprema Amerikana, tressaq il-pajjiż eqreb lejn dik il-ġurnata fejn kull persuna umana jkollha l-protezzjoni tal-liġi u tkun milqugħa fil-ħajja.

Nitolbu lill-Madonna ta’ Guadalupe biex tinterċedi għall-fejqan ta’ pajjiżna u għall-poplu tagħna minn għexieren ta’ snin ta’ aborti lil kull min jitolbu.