L-Isqfijiet Amerikani jqassmu $9.9 miljun lil 77 djoċesi fil-bżonn

Kartellun jappella għal donazzjonijiet biex ikunu megħjuna missjonijiet tal-Knisja fl-Amerika

Is-Sotto Kumitat tal-Konferenza Episkopali Amerikana għall-Missjonijiet Kattoliċi fil-pajjiż, ikkunsidra l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sena d-dieħla u ddeċieda li jqassam kważi $10 miljuni biex jgħin 77 djoċesi mxerrda mal-Istati Uniti biex jilqgħu l-isfidi li għandhombiex komplu jevanġelizzaw.

Kull sena l-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti torganizza ġabra fost l-insara bl-iskop li l-flus li jinġabru jgħinu numru ta’ proġetti pastorali u ministeri fil-komunitajiet.

15,000 persuna megħjuna

Għas-sena d-dieħla fost dawk li se jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet hemm id-djoċesi ta’ Kalamazoo li għandha ministeru għall-Emigranti. Dan il-ministeru barra mill-uffiċjali li jaħdmu fih għandu wkoll 100 voluntier minn 15-il parroċċa jgħinu fil-ħidma tiegħu mal-emigranti.  Is-sena li għaddiet dawn żaru aktar minn 300 kamp tal-emigranti li jgħixu fihom 15,000 persuna u offrewlhom servizzi liturġiċi, preparazzjoni għas-Sagramenti, mexxew klassijiet tal-katekiżmu u offrew diversi servizzi soċjali.  Bl-għotja tal-Isqfijiet, din il-ħidma tista’ tkompli ssir anke s-sena d-dieħla.

Għad-djoċesi ta’ Colorado Spirings, il-fondi se jmorru biex żgħażagħ u adulti  jibqa’ jkollhom aċċess għal programmi ta’ formazzjoni permezz tal-katakeżi u l-evanġeliżazzjoni.

Fid-djoċesi ta’ Dodge City, il-fondi se jintużaw għal programm ta’ formazzjoni ta’ missjunarji lajċi f’għaxar parroċċi filwaqt li fid-djoċesi ta’ Janaeau il-flus se jmorru biex ikomplu jaqdu nies li jgħixu f’żoni remoti mifruxa fuq 500 mil ta’ gżejjer li hemm.

Waqt żjara li għamel fid-djoċesi ta’ El Paso, is-Sotto Kumitat li jamministra dawn il-fondi kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ ħaddiema li jwettqau l-ministeru tagħhom f’Texas permezz ta’ dawn il-fondi.

Impenn u dedikazzjoni

L-Isqof W. Shawn McKnight, ta’ Jefferson City u Chairman tas-Sotto Kumitat, irringrazzja lil dawn il-ħaddiema għall-impenn u d-dedikazzjoni li juru biex jilqgħu l-isfidi li jkunu ffaċċjati bihom.

“Id-djoċesi ta’ El Paso, bħal ħafna djoċesijiet oħra fl-Istati Uniti jkollha titħabat biex tissodisfa l-ħtiġijiet pastorali tan-nies tagħha. Imma grazzi għall-ġenerożità tal-Kattoliċi Amerikani, id-djoċesijiet li jkunu fil-bżonn jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi li jgħinuhom fl-Evanġeliżazzjoni u l-ministeri pastorali tagħhom”, qal l-Isqof KcKnight.

“Mingħajr din l-għajnuna dawn id-djoċesijiet ma jkunux jistgħu jwettqu kif jixtiequ l-ministeru tal-Evanġeliżazzjoni u programmi oħra fil-komunitajiet tagħhom li huma meħtieġa biex isaħħu lil dawk l-insara li jixtiequ jersqu aktar lejn Kristu”, temm jgħid l-Isqof.