L-Isqfijiet Amerikani jappoġġjaw l-appelli tal-Papa għal diżarm nukleari

Il-Papa Franġisku ipoġġi kuruna tal-fjuri fil-Park tal-Bomba Nukleari f’Nagasaki meta żar il-Ġappun f’Novembru. (Vatican Media)

Il-Kumitat tal-Konferenza Episkopali Amerikana dwar  il-Ġustizzja u l-Paċi, fi stqarrija talab lill-Istati Uniti u potenzi nukleari oħra biex taħdem ħalli tnaqqas il-ħażna ta’ armi nukleari u faħħar lill-Papa Franġisku li jisħaq għad-diżarm nukleari.

Fi stqarrija li ħareġ din il-ġimgħa il-Kumitat Ġustizzja u Paċi appella lill-Gvern Amerikan biex “jingħaqad, anzi jkun fuq quddiem biex jaħdem biex ikollna dinja ta’ paċi u ġustizzja li ma tkunx bażata fuq il-biża’ u t-theddid ta’ qirda nukleari imma fuq il-ġustizzja u s-solidarjetà umana”.

L-istqarrija

“Waqt iż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Ġappun ħa l-opportunità biex jitkellem bil-qawwa dwar l-armi nukleari u t-theddida li dawn jirrappreżentaw għad-dinja.  F’Nagasaki l-Papa enfasizza l-bżonn ta’ solidarjetà wiesgħa li twassal  biex fid-dinja jkun hawn sigurtà li ma tkunx bażata fuq l-armi nukleari. Il-Papa qal li ‘dinja ta’ paċi, ħielsa mill-armi nukleari, hi l-aspirazzjoni ta’ miljuni ta’ rġiel u nisa ma’ kullimkien’. Biex dan l-ideal isir realtà kulħadd irid jagħti sehmu: individwi, komunitajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, pajjiżi li għandhom armi nukleari u oħrajn li m’għandhomx, il-militar, is-settur privat u l-organiżazzjoniiet internazzjonali”.

“Aktar tard f’dak l-istess jum, il-Papa Franġisku tkellem ukoll f’Hiroshima, li wkoll sofriet il-qirda ta’ splużjoni nukleari. Dwar l-implikazzjonijiet morali tal-armamenti nukleari, iddikjara li ‘l-użu tal-enerġija atomika għal skopijiet ta’ gwerra hu immorali daqskemm hu immorali l-pusses tal-armi nukleari’”.

Sejħa qawwija

“Il-kliem tal-Papa Franġisku għandu jservi bħala sejħa qawwija u tfakkira lil kulħadd li l-istatus quo fir-relazzjonijiet internazzjonali, li jistrieħ fuq it-theddida ta’ tkissir reċiproku, irid jinbidel. Bħala Isqfijiet tal-Istati Uniti, fl-imgħoddi għamilna apelli simili meta għidna li moralment irridu naħdmu biex ikun hemm tnaqqis qawwi u eventwalment abolizzjoni totali ta’ dawn l-armi.

“Hekk ukoll il-komunità internazzjonali għarfet il-ħtieġa li twarrab it-theddida ta’ distruzzjoni reċiproka u timxi lejn diżarm universali ġenwin kif rifless fit-Trattat biex ma Jinfirxux l-armi nukleari tal-1986 li jgħid li kull parti fit-Trattat taħdem b’rieda tajba biex jispiċċaw l-armi nukleari.

Obbligu morali

“Il-Papa Franġisku, uża ż-żjara tiegħu fil-Ġappun biex ifakkar lill-atturi kollha, stati u m’humiex, li għandhom obbligu morali li jaħdmu biex jeħilsu lid-dinja mill-armi nukleari u t-tħeddida li dawn joħolqu. Dan l-obbligu hu fuq il-kuxjenza tagħna lkoll biex inisbu mezz għal diżarm bażat fuq impenn komuni u fiduċja li hemm bżonn ikollna.

“Il-Kumitat għall-Ġustizzja u Paċi hu grat lejn il-Qdusija Tiegħu għall-isforzi li qed ikompli jagħmel li jkollna dinja fil-paċi u l-ġustizzja li ma jkunux bażati fuq il-biża’ u t-theddid tal-armi, imma fuq is-solidarjetà umana.  Aħna wkoll nappellaw lill-Gvern tagħna biex ikun parti u jagħraf ir-responsabbilta tiegħu f’dan ir-rigward.

“Il-pajjiżi li għandhom l-armi nukleari iridu jieħdu l-inizjattiva u jibdew inaqqsu minn dawn l-armi li għandhom.  Il-pajjiżi li m’għandhomx minn dawn l-armamenti ukoll għandhom jieqfu milli jfittxu li jkollhom minnhom.

“Ejja Mulej, għax diqà hu tard u diġà sar ħafna tifrik. Jalla tikber it-tama li jista’ jkollna futur differenti, kif talab il-Papa Franġisku f’Hiroshima”.