L-Isqfijiet Amerikani jappoġġjaw azzjoni dwar il-kriżi tad-droga

Hekk kif il-Kungress Amerikan qed jikkunsidra abbozz ta’ liġi propost minn Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra li jindirizza diversi aspetti tal-kriżi dwar id-droga, l-Isqof Frank J. Dewane ta’ Florida li hu ċ-Chairman tal-Kumitat għall-Ġustizzja Domestika u l-Iżvilupp Uman tal-Konferenza Episkopali Amerikana, faħħar l-isforzi li qed isiru mill-Kungress biex tkun indirizzata din il-kriżi u ħeġġiġhom biex ma jħallux il-politika ttawwal il-ħidma tagħhom.

Fi stqarrija li ħareġ, l-Isqof Dewane qal li “il-kriżi tad-droga waslet f’kull rokna ta’ pajjiżna. Stimi preliminari juru li fl-2017 aktar minn 72,000 persuna mietu wara li ħadu doża qawwija ta’ droga. Dan ifisser li kien hemm mewt kull tmien minuti kaġunata mid-drogi. Fid-dawl tal-isfidi kbar biex tkun iffaċċjata din it-traġedja, hu ta’ inkoraġġiment li l-membri tal-Kungress mexjin ‘l quddiem b’liġi li tindirizza ħafna mill-problema marbuta ma’ din il-kriżi.

“Kif qal il-Papa Franġisku ‘kull drogat għandu storja personali unika u rridu nisimgħuh, nifhmuh, inħobbuh u sa fejn hu possibbli ngħinuh ifiq u jitnaddaf. Ma nistgħux nagħmlu l-inġustizzja li nikkategorizzaw lil dawk maħkuma mill-vizzju tad-droga daqslikieku kienu oġġetti jew magni mkissra; kull persuna trid tkun valorizzata u apprezzata fid-dinjità tagħha biex ngħinuha tfiq’.  Il-Kungress għandu jistinka fuq il-ħidma tiegħu, proprju għal dawn ir-raġunijiet.”

“Il-liġi li għaddiet mis-Senat hi biss l-ewwel pass biex ikunu indirizzati diversi aspetti tal-kriżi tad-droga, fosthom għajnuna biex tiżdied ir-riċerka, it-trattament, l-edukazzjoni, is-sigurtà kif ukoll l-infurzar tal-liġijiet.”

“Hekk kif resqin l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġiżlatura u tmiem is-sena resqin, jista’ jkun diffiċli biex din il-liġi kumplessa tkun lesta fiż-żmien li fadal. Iżda l-kriżi tad-droga ma tistax tistenna sas-sena d-dieħla. Ta’ min ifaħħar il-Kungress għall-isforzi taż-żewġ naħat li qed isiru u li għandhom jegħlbu l-ostakli li għad fadal biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jkunu tradotti f’liġi,” temm jgħid fil-messaġġ tiegħu l-Isqof Dewane f’isem l-Isqfijiet Amerikani.