L-Isqfijiet Amerikani ħarġu videos favur ħajja politika tajba

Il-kwartier ġenerali tal-Konferenza Episkopali Amerikana.

Il-Konferenza tal-isqfijiet Kattoliċi Amerikani (USCCB) ħarġet numru ta’ videos biex tispira azzjoni u talb fil-ħajja politika u tgħin lill-Kattoliċi japplikaw it-tagħlim tal-Knisja kif mgħoddi lilna mill-Papa Franġisku.

It-test ta’ dawn il-videos kien approvat mill-Isqfijiet kollha fl-Assemblea Ġeneralili kellhom f’Baltimore f’Novembru li għadda. Din is-sensiela ta’ videos tikkumplimenta id-Dokument “Niffurmaw Kuxjenzi għal Ċittadinanza Tajba” li fih it-tagħlim tal-Isqfijiet dwar ir-responsabbiltà politika tal-Kattoliċi. B’dan id-Dokument l-Isqfijiet jippruvaw jgħinu lill-insara biex jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, jagħtu prijorità lill-fidi fuq il-politika partiġġjana u jwieġbu għall-problemi urġenti ta’ żminijietna. Kull video jispiċċa b’talba.

Il-videos li wieħed jista’ jikseb fuq minn il-You Tube channel tal-USCCB huma f’erba’ lingwi: Ingliż, Spanjol, Bjetnamiż u Tagalog. Il-ħames videos f’din is-sensiela huma ntitolati:

• Il-Kattoliċi jipparteċipaw fil-ħajja pubblika;

•  Il-Kattoliċi jipproteġu l-Ħajja u d-Dinjità Umana;

•  Il-Kattoliċi jaħdmu għall-Ġid Komuni;

•  Il-Kattoliċi jħobbu lill-ġirien;

• Iċ-ċittadini nsara jaħdmu ma’ Kristu biex jibni s-Saltna Tiegħu. 

L-Arċisqof Josè Gomez ta’ Los Angeles, li hu l-President tal-Konferenza Episkopali Amerikana mexxa l-“working group” li ħadem fuq dan il-proġett u enfasizza l-importanza ta’ dawn il-videos hekk kif riesaq staġun politiku jaħraq bl-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti.

“L-Isqfijiet tal-Istati Uniti jistiednu lill-Kattoliċi kollha biex jistqarru l-fidi tagħhom fil-pubbliku. Il-ħidma u l-parteċipazzjoni politika huma modi mportanti kif flimkien nistgħu naħdmu biex nipproteġu lit-trabi mhux imwielda, nilqgħu l-emigranti, nagħmlu ġustizzja mal-vittmi tar-razziżmu u l-intolleranza reliġjuża, ngħinu l-familji, nakkumpanjaw lill-foqra u naħdmu favur dawk kollha li huma vulnerabbli. Issa li dħalna fis-sena tal-elezzjoni, dawn il-videos huma maħsuba biex jgħinu lin-nisrani jirrifletti fuq is-sejħa tiegħu u nittamaw li dawn jinxterdu ħafna”, qal l-Isqof Gomez.

 Fil-videos jieħdu sehem u jinstemgħu bosta żgħażagħ u numru ta’ Isqfijiet.