L-Isqfijiet Amerikani f’inizjattiva biex tgħin l-ommijiet

Nimxu ma' Ommijiet fil-bżonn hi inizjattiva ta' sena mill-Knisja Amerikana favur l-ommijiet

L-Arċisqof Joseph F. Naumann, Chairman tal-Kumitat għall-Attivitajiet Favur il-Ħajja, tal-Konferenza Episkopali Amerikana, fil-laqgħa annwali, fill-laqgħa plnarja tal-isqfijiet li saret aktar kmieni dan i-xahar, tkellem dwar il-bżonn li jitjieb ir-rispons pastorali lil dawk in-nisa li jkunu qed jiffaċċjaw tqala problematika jew mhux mixtieqa.

“L-isfidi għal nisa li qed jiffaċċjaw tqala problematika jew mhux ippjanata, jistgħu jkunu kbar ħafna. Biżżejjed niftakru li 75 fil-mija tan-nisa li jirrikorru għall-abort, ġejjin minn familji bi dħul baxx”, qal l-Arċisqof Naumann.

“Fil-parroċċi tagħna għandna nisa tqal jew ommijiet bi tfal żgħar, li huma fil-bżonn. Dawn in-nisa li qed jiffaċċjaw tqala problematika għandhom jaraw fil-Knisja, post fejn jistgħu jsibu l-għajnuna permezz tal-ħafna servizzi soċjali li toffri u l-organiżazzjonijiet li għandha dedikati biex jgħinu persuni fi kriżi u bi problemi”, żied jgħid l-Isqof.

Fl-istedina tiegħu lill-Isqfijiet, l-Arċisqof Naumann spjega li aktar minn 150,000 mara minn familji bi dħul baxx, iwelldu t-trabi tagħhom fi sptarijiet Kattoliċi kull sena filwaqt li għexieren ta’ eluf ta’ nisa tqal jew bi trabi jkunu megħjuna minn karitajiet Kattoliċi u aġenziji oħra tal-Knisja. Barra minn dawn, madwar il-pajjiż hemm elu ta’ ċentri ta’ kura fejn jaħdmu ħafna voluntiera Kattoliċi.

Ommijiet fil-bżonn

Madankollu, l-Arċisqof innota li għad hemm “vojt” u filwaqt li r-riżorzi biex jgħinu lin-nisa fit-tqala huma koordinati tajjeb fuq livell ta’ djoċesi jew reġjuni, in-nies fil-bżonn, jintlaħqu aħjar fuq livell lokali”.

Fl-Istati Uniti hemm aktar minn 17,000 parroċċa. Kull parroċċa l-aħjar li tista’ tidentifika ir-riżorsi ta’ għajnuna waqt it-tqala, li għandha u tidentifika fejn hemm nuqqasijiet li għandhom ikunu ndirizzati.  Il-komunità parrokkjali hi f’pożizzjoni unika biex tinkoraġixxi il-kollaborazzjoni tar-riżorsi fuq livell lokali u tkabbar l-għarfien dwar l-għajnuna li teżisti għal ommijiet u familji fil-bżonn.

Għal dan l-iskop, l-Arċisqof Naumann talab lill-Isqfijiet sħabu biex jistiednu lill-parroċċi tagħhom jingħaqdu fi sforz nazzjonali li se jsiru bejn il-25 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla u l-25 ta’ Marzu tal-2021, bit-tema: Nimxu ma’ Ommijiet fil-Bżonn – Sena ta’ Servizz.

Din is-Sena ta’ Servizz se tikkoinċidi mal-25 anniversarju tal-Evangelium Vitae, l-Enċiklika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Il-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Isqfijiet Amerikani qed jiżviluppa riżorsi edukattivi u pastorali għal kull parroċċa, fosthom riflessjonijiet u tagħlim dwar l-Evangelium Vitae, l-Evangelii Gaudium u l-Laudato si, talb biex tinbena kultura favur il-ħajja; u għodod biex ikunu dokumentati l-inventarji tar-riżorsi lokali għal nisa tqal u ommijiet fil-bżonn u għajnuna kif il-parroċċi jkunu jistgħu jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet ta’ dawn in-nies.