L-Isqfijiet Afrikani jappellaw lill-mexxejja politiċi biex jeqridu l-faqar

Aktar minn 200 Isqof inġabru fis-Senegal għal laqgħa organizzata mill-Caritas Africa biex jiddiskutu l-problema li qed jiffaċċja l-kontinent Afrikan fosthom it-tmexxija ħażina, il-faqar u l-emigrazzjoni. Huma impenjaw ruħhom biex jaħdmu fuq dawn il-problemi u dan se jibdew jagħmluh billi jespandu l-ħidma karitattiva tagħhom.
L-Isqfijiet urew l-istemerrija tagħhom għall-miżerja li qed ikunu suġġetti għaliha popli Afrikani u akkużaw lil uħud mill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi li jaħtu għad-disperazzjoni li jinsabu fiha nieshom.
Huma qal li uħud mill-mexxejja Afrikani “iridu jisfurzawna biex inservu biex nitfu n-nar tat-tensjoni li huma stess qed iħeġġu u jsostnu u li qed twassal biex ħafna nies jeżiljaw ruħhom jew isiru militanti tal-estremiżmu politiku jew reliġjuż”.
Il-World Economic Forum iddeskriva l-Afrika bħala kontinent b’potenzjal ekonomiku impressjonanti li fl-aħħar 15-il sena kellu rata ta’ tkabbir annwali ta’ 5%, iżda fejn il-faqar, il-ġuħ, il-gwerer ċivili, in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa u għall-ilma ikomplu jolqtu dan il-kontinent.
Huma rriferew għal dak li qal il-Papa Franġisku li hu “konvint li l-Afrika m’hix art li għandha tkun esplojtata imma ħabib li għandek tħobbu” u sostnew li l-kontinent jixraqlu aħjar għall-ġid tal-popli tiegħu.
L-Isqfijiet qalu li l-mezzi limitati li għandhom biex jieħdu azzjoni m’għandhomx ikunu skuża biex jadottaw attitudni ta’ “stenna u ara” għax l-iżvilupp tal-fqar jista’ jintlaħaq biss mill-foqra nfushom. Għalhekk huma qed jinkoraġixxu li jkun hemm kooperazzjoni kemm bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar bejniethom kif ukoll skambju bejn il-Knejjes tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar biex jikkapitaliżżaw l-esperjenzi u jiġbru l-esperjenza u r-riżorsi fil-livelli kollha lejn impenn kollettiv biex jinqerdu l-faqar u l-miżerja tan-nies.
L-Isqfijiet Afrikani esprimew it-tħassib tagħhom għall-emigrazzjoni kontinwa lejn l-Ewropa u l-Amerika, b’periklu għal ħajjet ħafna persuni li jagħżlu li jagħmlu dawn il-vjaġġi perikolużi, minħabba d-disprament li jġib miegħu l-faqar, in-nuqqas ta’ xogħol u l-gwerrer li jwasslu lil bniedem biex jirriskja ħajtu għal futur aħjar.