L-Isqfijiet ta’ Kalifornja jappellaw biex tispiċċa l-istigma soċjali dwar il-mard mentali

F’Ittra Pastorali bla preċedent, l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ Kalifornja appellaw biex ikun hemm sforz mill-Knisja, impjegati fil-qasam tas-saħħa u riċerkaturi xjentifiċi biex titjieb il-kura lil madwar 44 miljun Amerikan adult li għandu xi tip ta’ mard mentali, u biex l-istigma soċjali marbuta ma’ dan il-mard.
L-Ittra, intitolata “Tama u Fejqan” tagħmel sejħa lill-Kattoliċi u n-nies kollha ta’ rieda tajba biex iwarrbu l-atitudni ta’ “aħna” u “huma” meta niltaqgħu ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
L-ittra pastorali ssemmi numru ta’ studji mediċi u xjentifiċi riċenti li jippruvaw jibnu l-pontijiet bejn ir-reliġjon u x-xjenza u l-kura tas-saħħa u l-kura pastorali.
Tgħid li wieħed minn kull ħames adulti fl-Istati Uniti isofri minn xi forma ta’ diżordni mentali u li 20% tal-adoloxxenti qed isofru jew sofrew fl-imgħoddi minn mard mentali serju.
L-Isqfijiet qalu li l-problemi ta’ mard mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd. Huma kkundannaw bil-qawwa kollha l-istigma soċjali inġusta tal-mard mentali. 
Qalu li f’komunitajiet ċivili u Kattoliċi m’għandux ikun li filwaqt li naċċettaw il-kura għall-mard fiżiku u naċċettawh bħala xi ħaġa normali, fejn jidħol il-mard mentali naddottaw atitudni ta’ silenzju u mistħija. “Ma hemm xejn ta’ mistħija li wieħed ikun djanjostikat b’diżordni psikika għax il-mard mentali la hu falliment morali u anqas difett ta’ karattru”, qalu fl-Ittra Pastorali.
Il-Pastorali tkompli billi tidentifika b’mod speċifiku iż-żieda fin-numru ta’ suwiċidji fl-Istati Uniti, l-aktar fost iż-żgħażagħ f’dik li qed tissejjaħ l-“epidemija tal-opju” fejn l-overdose tad-droga saret l-aktar kawża ta’ mwiet fost l-Amerikani taħt il-50 sena u li qed toħloq ukoll “epidemija ta’ solitudni” fil-pajjiż kollu.
L-Isqfijiet appellaw biex tkun rikonoxxuta l-validità tal-fejqan psikoloġiku u spiritwali u kkundannaw is-suspett li kultant xi Nsara jkollhom fejn jidħlu l-psikoloġija u l-psikjatrija. Huma nnutaw li għandu jintuża l-għaqal u d-dixxerniment biex ikun assigurat li jintużaw l-aħjar prattiċi mediċi u sostnew li “x-xjenza u d-dinjità tal-persuna qatt ma għandhom ikunu kontra xulxin”.
Fakkru fl-isfida li Papa Franġisku poġġa lis-saċerdoti “biex ixommu n-nagħaġ tagħhom” u allura l-appell għall-ministeri fil-qasam tas-saħħa mentali biex ikunu proattivi u mhux reattivi”.
Esprimew il-bżonn biex ikun hemm ħbiberija u kuntatt ma’ dawk li qed isofru minn mard mentali għax dan “jista’ jagħmel differenza kbira meta nitolbu man-nies flok nitolbu għalihom."