L-Isqalli Sergio Mattarella hu l-President il-ġdid tal-Italja

Sergio Mattarella huwa l-President ġdid tal-Italja. Il-Parlament Taljan eleġġa lill-Imħallef fil-Qorti kostituzzjonali bħala t-12-il President tar-Repubblika Taljana.
Mattarella, li għandu 73 sena ġej minn familja Sqallija f'Palermo li għadha tħossha mġarrba mill-ħidma kontra l-kriminalità organizzata. Fl-1980, il-mafja qatlet lil ħu Mattarella, li dakinhar kien il-Gvernatur tal-gżira. 
Mattarella, se jieħu post Giorgio Napolitano ta’ 89, li rriżenja aktar kmieni dan ix-xahar minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Ir-riżultat ħareġ wara tlett ijiem ta’ votazzjoni u se jagħti spinta lill-Prim Ministru Matteo Renzi, li kien hu li nnomina lil Mattarella.
Minkejja li l-irwol ta’ President huwa ċerimonjali, jagħtih il-poter li jaħtar Prim Ministru.
Fi tmien snin u nofs, Napolitano kien ħatar ħames Prim Ministri.