L-isptarijiet privati għandu jikkontrollahom il-Gvern – CSN

Mater Dei

Read in English.

L-isptarijiet privati għandhom jaqgħu taħt il-kontroll tal-Gvern b’mod temporanju minħabba l-pandemija tal-coronavirus, skont in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN).

Fi stqarrija, is-CSN qal li din il-miżura tfisser li jkun hemm aktar sodod għall-pazjenti tal-COVID-19. Fi Spanja l-Gvern iddikjara stat ta’ emerġenza u ordna biex l-isptarijiet kollha jaqgħu taħt il-kontroll tiegħu.

“F’kuntest ieħor, miżura bħal din tista’ titqies bħala waħda eċċezzjonali, iżda ladarba li ninsabu f’sitwazzjoni estrema, din tista’ tkun ta’ għajnuna siewja,” qal is-CSN.

Is-CSN qal ukoll li l-Gvern għandu jipprovdi akkomodazzjoni ta’ erba’ u ħames stilel mħallsa għall-professjonisti tas-saħħa. Dan bħala protezzjoni għall-familji tagħhom.

“Tajjeb illi wieħed iżid li l-miżuri estremi tal-iddistanzjar soċjali mhumiex sostenibbli fit-tul. Fil-futur ġejjieni, miżura bħal din veru kapaċi twassal għal inqas każijiet billi jitnaqqas l-ammont ta’ nies li kapaċi jiġu esposti għal COVID-19. Però, huwa inevitabbli illi wara ftit ġimgħat se jerġgħu jibdew jidhru aktar każijiet b’riżultat tar-rilaxxar inevitabbli tal-miżuri t’issa,” qalu l-attivisti.

Is-CSN temm jgħid li jekk l-isptarijiet privati jiġu taħt kontroll pubbliku minn issa, il-professjonisti mediċi jistgħu jkollhom ċans aktar jagħmlu l-preparamenti meħtieġa għall-kumplament tal-ġlieda li se tara Malta fil-futur ġejjieni.

Il-ħaddiema kollha għandhom jaħdmu tliet darbiet fil-ġimgħa minħabba l-imxija tal-coronavirus, skont il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Godfrey Baldacchino.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn