L-isptar t’Għawdex jindaga għaliex intużat kamra mitluqa għal ECG

Read in English.

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex qiegħed jinvestiga għaliex dalgħodu ntużat kamra mitluqa għal ECG.

Illum ixxerrdu ritratti fuq il-mezzi soċjali li juru kamra mitluqa, b’dehra maħmuġa u b’fannijiet mal-art, allegatament fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ntużat għal ECG, test tal-qalb.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar dan, ġie spjegat minn kelliem għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex li din il-kamra kienet tintuża għal raġunijiet oħra, u riċentament ingħatat lid-Dipartiment tal-Kardjoloġija sabiex titranġa u eventwalment tibda tintuża għall-ECGs.

Dalgħodu, billi kienu għaddejjin xi testijiet oħra tal-qalb fl-isptar, xi ħaddiema użaw din il-kamra biex jaraw lill-pazjenti ħalli ma jħalluhomx jistennew bla bżonn. Madankollu, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex xorta qed jinvestiga għaliex intużat din il-kamra meta mhijiex f’qagħda addattata li tilqa’ l-pazjenti.

L-isptar qal li dan l-aġir kien inaċċettabbli u skuża ruħu tal-inkonvenjent li seta’ ħoloq għall-pazjenti.

F’April li għadda minħabba l-pandemija
Jitwaqqfu ż-żjarat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex