L-isptar tal-Papa jegħleb l-iskandli u jservi l-periferiji

Il-Papa Franġisku jsellem pazjent f’waħda miż0żjajjar għall-għarrieda li spiss jagħmel fl-isptar tat-tfal Bambino Gesù

L-isptar Bambino Gesù f’Ruma li hu sponsorjat mill-Vatikan, qed ipoġġi l-enfasi tal-ħidma tiegħu biex iservi l-periferiji tad-dinja.

Is-sena li għaddiet dan l-isptar sofra meta għadda minn skandlu fejn żewġ diretturi tiegħu kienu akkużati li użaw flus tal-isptar biex sebbħu appartament ta’ Kardinal, iżda fl-istess sena l-istess sptar sar wieħed ewlieni fid-dinja li joffri kura lil tfal b’mard li diffiċli jiġi kkurat.

L-isptar ħadem biex jassigura li nofs id-diretturi mediċi tiegħu huma nisa, naqqas il-konsum tal-enerġija bi 8.2 fil-mija biex jimxi mal-enċiklika Laudato si tal-Papa Franġisku, u impjega 700 riċerkatur dedikat biex jikkuraw mard rari fit-tfal.

Ir-Rapport Annwali tal-Isptar għall-2017 li għadu kif kien pubblikat juri li l-Bambino Gesù għamel bidliet sinifikanti biex jegħleb l-iskandli ekonomiċi u finanzjarji, u llum qed jippreżenta immaġni kif jixtieqha l-Papa Franġisku, jiġifieri sptar b’idejh miftuħa, li jilqa’ n-nies u jibża’ għall-ambjent.

Matul is-sena li għaddiet l-isptar kellu dħul ta’ aktar minn $377 miljun filwaqt li kellu spejjeż ta’ $366 miljun biex b’hekk kellu bilanċ ta’ $11 miljun.

Il-Bambino Gesù hu l-eqdem sptar tat-tfal fid-dinja. Twaqqaf madwar 150 sena ilu u hu fost l-aqwa li joffru trapjanti lit-tfal. Il-Papa Franġisku, f’dawk li huma magħrufa bħala “Mercy Fridays,” spiss imur iżur dan l-isptar.