L-Isptar Monte Karmeli bi €15-il miljun f’dejn

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) innota li l-Isptar Monte Karmeli għandu jħallas €15.3 miljun lill-kredituri. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-NAO dwar il-kontijiet pubbliċi fl-2019. Sal-31 ta’ Diċembru 2019, €11,564,461 kienu dovuti lill-Kummissarju għad-Dħul u €2,069,648 lill-Awtorità tal-Artijiet.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali identifika numru ta’ nuqqasijiet:

  • Dgħufijiet fil-kontroll intern f’diversi oqsma li wasslu għal nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet u r-regoli kif ukoll dewmien biex jiġu ppreżentati statements finanzjarji verifikati.
  • L-isptar ilu jopera b’defiċit mill-2008. Matul is-snin ġiet akkumulata s-somma ta’ €11.5 miljun f’riservi negattivi.
  • Minkejja li għas-sena finanzjarja li tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-Isptar Monte Karmeli ġie allokat €6.5 miljun biex isir diversi xogħol fosthom dak ta’ modernizzar fil-kċina, tibdil fis-sistema tal-arja kondizzjonata, spezzjonijiet fl-istrutturi tas-soqfa kif ukoll tibdil fis-sistemi tal-elettriku u tal-ilma, ħafna minn dan ix-xogħol baqa’ ma sarx u ġew użati biss €906,803.
  • Fl-2019 kien hemm proċedura negozjata b’erba’ fornituri għal xogħlijiet ċivili fosthom it-twaqqigħ u modifikazzjoni f’xi strutturi fl-Isptar Monte Karmeli. L-Awditur Ġenerali kellu diversi tħassib fosthom A) Il-bażi fuq xiex ġew magħżula l-erba’ fornituri u għalfejn kienu qed jitħallsu b’rati differenti għall-istess xogħol. B) Għalfejn kontijiet tal-kwantitajiet li jmorru lura għas-sena 2017 ġew emendati fl-2019 u fihom ġew inklużi ħlasijiet li la kienu kkwotati fl-offerta u anqas fil-kuntratt. Il-pagamenti xorta waħda ġew approvati mill-Isptar Monte Karmeli iżda ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni. Ċ) Ma kien hemm l-ebda konferma jekk l-Isptar Monte Karmeli kienx kopert b’garanzija għax-xogħlijiet li saru u polza ta’ assigurazzjoni.

Disinni ta’ inġenerija strutturali

Ir-Rapport Ġenerali Annwali tkellem ukoll dwar il-proviżjoni ta’ disinni ta’ inġinerija strutturali għas-Sala Maskili 2. Fl-2018, il-Ministeru tal-Finanzi approva direct order għall-proviżjoni tad-disinni għal €88,300 (VAT mhux inkluża) u r-rata ta’ €70 fis-siegħa għal xogħol addizzjonali relatat mal-inġinerija strutturali. Wara li ġew imħallsa €63,700 għas-servizzi li saru fl-2018, f’April tal-2019, l-Isptar Monte Karmeli ddeċieda li jwaqqaf ir-relazzjoni ta’ ħidma mal-kumpanija minkejja li l-kuntratt kien jinkludi l-fażijiet kollha tal-proġett.

Madanakollu, l-Isptar Monte Karmeli

  • Ma provda l-ebda informazzjoni jekk it-€63,700 imħallsa fl-2018 kinuxikopru xi disinni li kellhom jiġu mwarrba minħabba li l-fornitur m’approvax l-użu ta’ dawn id-disinni.
  • Ma għamel l-ebda kjarifika għaliex temm il-kuntratt mal-fornitur ferm qabel id-data tal-iskadenza.

Dgħufija fil-kontroll intern

L-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni fuq id-dgħufija fil-kontroll intern. Insab li kien hemm fatturi (invoices) mingħajr dokumentazzjoni li ġew iċċertifikati bħala korretti minn uffiċjali varji, nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet u regolamenti kif ukoll dewmien biex jiġu ppreżentati statements finanzjarji verifikati.

Għal dan, l-Awditur Ġenerali qal li nuqqas ta’ kontroll intern inaqqas il-possibbilità li l-Isptar Monte Karmeli jidentifika l-iżbalji u l-irregolaritajiet u b’hekk ma jkunx jista’ jieħu l-miżuri neċessarji fil-ħin. Għalhekk, saħaq li l-maniġment għandu jara kif jista’ jimmodifika u jsaħħaħ il-kontroll intern.

Il-lista tal-inventorju ilha ma tiġi aġġornata 4 snin

Instabu nuqqasijiet ukoll fil-lista tal-inventorju li ilha ma tiġi aġġornata erba’ snin. Konsegwenza ta’ dan:

  • Ċerti assi kapitali li ġew akkwistati dawn l-aħħar erba’ snin ma ġewx imniżżla fil-lista
  • Fil-lista tal-inventorju kien għad hemm imniżżla affarijiet li ntremew
  • Numru ta’ assi ma kinux assenjati numru ta’ identifikazzjoni u b’hekk huwa diffiċli li ssir verifikazzjoni tal-eżistenza tagħhom
  • Dikjarazzjonijiet statutorji relatati mal-assi li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ din l-entità kif ukoll l-addizzjoni tal-assi fissi ma ġewx sottomessi lill-Awditur Ġenerali skont it-termini fiċ-ċirkulari MF nru. 14/99.