“L-isptar Monte Karmeli ‘l bogħod minn dak mixtieq” – Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Mount Carmel

Read in English.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia, sostna li jinsab sodisfatt li fl-aħħar il-pazjenti li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali, qed isibu l-kuraġġ biex jitkellmu dwar id-diffikultajiet li jesperjenzaw. Il-Kummissarju tas-Saħħa qal dan wara li fil-jiem li għaddew ġie rrapurtat f’sezzjonijiet tal-media kif pazjenta partikolari qasmet l-esperjenza u r-realtajiet fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli li joffri l-kura u l-għajnuna lil nies li propju għandhom problemi ta’ saħħa mentali.

Fi stqarrija l-Kummissarju tas-Saħħa mentali qal li dak li ġie spjegat mill-pazjenta hu simili ħafna għall-komunikazzjoni li hu jirċievi mingħand pazjenti oħra li jagħmlu kuntatt miegħu p’permezz ta’ e-mails, telefonati, ittri u anke permezz tal-media soċjali.

Mill-esperjenza tagħha l-pazjenta, qalet li hemm differenzi kbar bejn diversi swali u li f’waħda minnhom ħassitha li qisha ngħatat kastig aktar milli marret hemm għall-kura għaliex l-ambjent jinsab fi stat ħażin immens.

Cachia qal li din it-tip ta’ esperjenza tirrifletti ħafna dak li ilu jirrapporta l-Uffiċċju tiegħu għal dawn l-aħħar sitt snin u li matulhom saru diversi rakkomandazzjonijiet biex isir it-tibdil li hemm bżonn fl-Isptar Monte Karmeli.

Filwaqt li kkritika l-ambjent li jgħixu fih il-pazjenti l-Kummissarju għas-Saħħa mentali qal li dan ma jnaqqas xejn mix-xogħol tal-profesjonisti mediċi li ta’ kuljum jagħmlu ħilithom kollha biex joffru l-aħjar kura lill-pazjenti u dan kemm-il darba ġie rikonoxxut fir-rapporti.

“L-ambjent fl-isptar Monte Karmeli hu ‘l bogħod minn dak li hu xieraq u li ma jirrispettax id-drittijiet u d-dinjità tal-pazjenti,” sostna l-Kummissarju fl-istqarrija tiegħu.

Qal wkoll li minkejja li tkellem mal-isptar Monte Karmeli dwar il-bżonn ta’ tibdil fil-protokolli ta’ ċertu materji, għadu ma sar xejn u minn naħa tiegħu għadu qed jistenna.

Semma’ wkoll kif fl-aħħar xhur saru numru ta’ tibdiliet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ swali u kif jaħdmu l-ħaddiema pero’ hi r-responsabilità tat-tmexxija tal-Isptar biex jispjega x’inhuma dawn it-tibdiliet intiżi biex itejbu s-servizz u l-faċilitajiet.

“Numru ta’ riformi fil-qasam ta-saħħa mentali tpoġġew fuq l-ixkaffa għal żmien twil issa u għalhekk nappella lill-awtoritajiet sabiex fuq l-istrateġija maqbula fuq is-saħħa mentali,” sostna l-Kummissarju għas-Saħħa mentali li semma wkoll kif il-pandemija tal-coronavirus kompliet titfa’ dan il-qasam lura.