L-Isportivi u l-NGOs għadhom jistennew l-għajnuna tal-Gvern – PN

Aġġornat 04:17 PM
Ritratt - Mellieħa Sports Club

Il-Kelliem tal-isport għall-Partit Nazzjonalisa Robert Cutajar qal li sal-lum il-Gvern Laburista għadu ma żammx kelmtu u baqa’ qatt ma kkomunika mal-għaqdiet, każini u klabbs sportivi flimkien ma’ organizzazzjonijiet varji mhux governattivi (volontarji) biex jinfurmahhom dwar l-għajnuna li jistgħu jibbenefikaw minnha.

Fi stqarrija Cutajar qal li dan ma sarx minkejja li issa ilu kwazi tliet xhur, li l-Gvern permezz tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li stqarr fill-Parlament li kellu jagħti l-għajnuna lil dawn l-istituzzjonijiet. Dawn l-għajnuniet kienu jikkonsistu f’talbiet għall-għajnuna fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll ukoll eżenzjonijiet fuq ħlasijiet u kontijiet oħra dovuti lill-Gvern relatati ma’ kirjiet u miżati ta’ affiljazzjoni.

Cutajar sostna li dawn il-proposti intenzjonati biex iwieżnu lil dawn l-entitajiet waqt u wara l-imxija tal-COVID-19 kienu tressqu minnu f’isem l-Oppożizzjoni f’April li għadda. Wara li l-Gvern dam jitrattjeni kważi xahrejn biex jilqa’ dawn il-proposti, kien propju ġimgħat wara li l-Gvern kien laqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni li pero’ sal-lum dawn għadhom ma’ daħlux fis-seħħ u li allura fisser li dawn l-istess organizzazjonijiet tħallew f’inċertezza u bi problemi kbar biex huma jkunu jistgħu jkomplu jiffunzjonaw, joperaw u jagħtu kontribut primarjament fl-oqsma sportivi, soċjali u kulturali.

Cutajar appella lill-Gvern sabiex b’mod immedjat jara li jżomm il-kelma tiegħu u jgħin minnufih lil dawn l-organizzazzjoniniet kollha bla distinzjoni u mingħajr ma’ jkun selettiv. Huwa stqarr li dawn huma l-istess organizzazjonijiet li bejniethom iħaddmu aktar minn 5,000 ħaddiem, apparti għexieren ta’ eluf oħra li jikkontribwixxu b’mod volontarju b’risq is-soċjeta’ Maltija.

Il-Gvern ma jistax jifhem in-negattività tal-Oppożizzjoni”

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista, l-Gvern sostna li ma jistax jifhem din in-negattività kollha min-naħa talOppożizzjoni meta huma konsapevoli, kif huwa l-pubbliku inġenerali, li bid-deċiżjonijiet li ttieħdu, l-għajnuna baqgħet tingħata, anzi żdiedet b’mod b’saħħtu ħafna.

Il-Gvern qal li permezz tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, organizza diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni kemm f’Malta u kemm f’Għawdex mal-għaqdiet volontarji dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun, li hija l-ikbar allokazzjoni ta’ fondi diretti li qatt saret mill-Gvern fis-settur. Din l-allokazzjoni kopriet spejjeż relatati ma’ mpjiegi, kontijiet tad-dawl u ilma u spejjeż relatati ma’ servizzi li ngħataw waqt il-pandemija tal-COVID-19. Din ma kinitx l-unika skema mħabbra mill-Gvern iżda kien hemm iniżjattivi oħra, fosthom fond ta’ emerġenza li kkumplimenta miżuri oħra sabiex isostnu lil dawn l-għaqdiet f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, u diġà bdew jitqassmu flus minn dan il-fond.

Apparti dan, il-Gvern permezz ta’ SportMalta żamm mal-wegħda tiegħu li jgħin lill-għaqdiet sportivi fuq kirjiet għall-facilitajiet taghhom li jħallsu lil SportMalta. Fil-fatt, għaqdiet sportivi rreġistrati ma’ SportMalta bdew jirċievu ittri individwali minn SportMalta bi spjegazzjoni tal-proċess.