L-isport idaħħal 35 biljun mir-riklami

In-negozju tal-isponsorizzazzjoni tal-isport hu mistenni li jikber globalment b’4% għal 35 biljun sterlina din is-sena. Dan ħareġ minn riċerka li saret mill-aġenzija Two Circles. Madankollu, l-istess rapport jikkonkludi li l-klabbs sportivi jistgħu jattiraw aktar dħul jekk jipprovdu pakketti aktar attraenti kif ukoll jekk iħarsu lejn oqsma oħra lil hinn minn dawk tradizzjonali. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-klabbs sportivi rinomati huma sponsorizzati minn kumpaniji tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji, linji tal-ajru u manifatturi ewlenin tal-vetturi.

Two Circles spjegat kif meta l-klabbs ibigħu s-servizzi tagħhom, dawn jirreklamaw l-aktar il-vantaġġi marbuta mal-fatt li l-partiti jkunu mxandra fuq it-televiżjoni u sa ċertu punt kif jidhru fl-impjanti sportivi, iżda jinjoraw il-potenzjal ta’ dħul diġitali li toffri d-dinja tal-lum. L-istess studju jistma li l-valur ta’ dawn l-isponsorizzazzjonijet se jiżdied b’6% kull sena bejn l-2020 u l-2024.

Madankollu, l-akbar “theddida” għal dawn il-previżjonijiet hija t-tħassib li jistgħu jidħlu restrizzjonijiet fuq ir-reklami min-naħa ta’ kumpaniji tal-logħob tal-azzard. Fir-Renju Unit, 12% tal-isponsorizzazzjonijiet huma ġejjin minn dan is-settur. Dan hekk kif diversi awtoritajiet, fosthom tas-saħħa u regolaturi qed jingħaqdu biex jissieltu l-problema, li fir-Renju Unit qed tkompli tikber u tħalli vittmi madwar il-pajjiż.

F’dan l-istaġun biss, il-klabbs tal-Premier League Ingliż daħħlu mal-50 miljun sterlina minn riklami fuq il-gerijiet tagħhom proprju minn kumpaniji tal-logħob tal-azzard.

Shell tnaqqis il-profitti iżda mhux l-ishma

Il-profitti ta’ Royal Dutch Shell fl-ewwel kwart tas-sena naqsu minħabba riżultati inqas pożittivi fil-bejgħ taż-żejt irfinat, prezzijiet taż-żejt aktar baxxi u taxxi ogħla. Il-kumpanija Ingliża-Olandiża qalet li d-dħul tagħha niżel għal 5.3 biljun dollaru, tnaqqis ta’ kważi 100 miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Fil-qasam tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni, Shell kellha tnaqqis fl-ispejjeż operattivi u volum ta’ produzzjoni ogħla, b’mod partikolari mill-Golf tal-Messiku u l-operazzjonijiet fil-qasam tax-shale. Il-kumpanija tilfet mit-tnaqqis fil-prezz taż-żejt għalkemm kellha dħul ħjar mill-prezz tal-gass.

Intant, Shell ħabbret l-aħħar parti tal-programm ta’ xiri lura ta’ ishma, għal valur ta’ 25 biljun dollaru, li kienet wegħdet wara l-ftehim tal-akkwist tal-Grupp BG.

B’mod ġenerali, filwaqt li l-kumpaniji tal-enerġija qed igawdu mill-irkupru fil-qasam tal-enerġija wara numru ta’ snin bi prezzijiet baxxi, għad hemm inċertezza sostanzjali fuq il-prezzijiet. Shell irrappurtat tnaqqis fil-produzzjoni totali għal 3.7 barmil żejt kuljum, 0.1 inqas mis-sena ta’ qabel. Il-kumpanija ħabbret rata tal-imgħax ta’ 47 ċenteżmu kull sehem.

Minkejja t-tnaqqis tal-profitt, Shell irreġistrat żieda ta’ aktar minn 2% f’ishma tagħha. Analisti qalu li dan seħħ għal żewġ raġunijiet ewlenin: li t-tnaqqis kien wieħed inqas minn kif previst u li f’dinja mimlija inċertezzi ekonomika, l-investiment f’kumpaniji tal-enerġija jibqa’ wieħed meqjus bħala sigur u li jrendi.

Il-manifattura tirpilja iżda għadha f’diffikultà

Is-settur tal-manifattura madwar id-dinja rkupra ftit matul ix-xahar li għadda iżda għadu ma ħariġx mill-perjodu ta’ diffikultà hekk kif it-talba baqgħet baxxa u l-protezzjoniżmu baqa’ jgħolli rasu madwar id-dinja. Fiż-żona ewro, tagħrif kummerċjali kkonferma t-tielet xhur ta’ tnaqqis f’din l-industrija, u għalkemm fl-Istati Uniti ċ-ċifra baqgħet pożittiva, ir-rata ta’ tkabbir naqset drastikament. Ir-riżultati Ażjatiċi xejn ma kienu pożittivi.

Dan wassal biex bosta Banek Ċentrali qed jikkunsidraw li jnaqqsu r-rati tal-imgħax biex jistimulaw l-investiment, fuq quddiem nett dawk ta’ pajjiżi bħall-Awstralja u New Zealand.

Min-naħa tagħhom, Banek Ċentrali tal-Punent, fuq quddiem tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit u l-BĊE qed jistennew x’se joħroġ mid-diskussjonijiet bejn l-Amerika u ċ-Ċina qabel jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan hekk kif fl-aħħar ġranet ħarġu indikazzjonijiet li Trump kien lest inaqqas parti mill-250 biljun dollaru f’tariffi li impona fuq prodotti Ċiniżi. Iċ-Ċina ħabbret tnaqqis fit-taxxa u programm ta’  investiment fl-infrastruttura biex ipatti għas-sitwazzjoni ekonomika.

Ħarsa lejn il-pajjiżi Ewropej individwali turi li l-attività tal-manifattura fil-Ġermanja naqset għar-raba’ xahar konsekuttiv u fl-Italja għas-seba’ xahar. L-uniċi ċifri pożittivi kienu fi Spanja, filwaqt li r-rata fi Franza baqgħet stabbli.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.