L-isport hu għodda edukattiva indispensabbli

Il-Knisja tqis l-isport bħala għodda edukattiva indispensabbli meta prattikat skont ir-regoli. Dan qalu l-Papa Franġisku lil grupp ta’ ċiklisti li f’dawn il-jiem qed jieħdu sehem fil-Gran Premio Octo di San Marino u Rimini Riviera.

Iċ-ċiklisti, mmexxija mill-President tal-Kumitat Olimpiku Talja Giovanni Malagò żaru lill-Papa fil-Vatikan nhar il-Ġimgħa.

F’diskors qasir il-Papa qalilhom li “ż-żjara tagħkom tagħtini l-opportunità biex nenfasizza l-importanza tal-isport fis-soċjetà tal-lum. Il-Knisja tqis l-attività sportiva, meta prattikata b’rispett sħiħ għar-regoli, bħala għodda edukattiva indispensabbli, partikolarment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-fenomenu tal-isport, jistimula b’mod pożittiv l-iżvilupp tal-bniedem u jgħinu ma jkunx egoist, iħarrġu fl-ispirtu tas-sagrifiċċju u jispira lealta fir-relazzjonijiet inter-personali, fil-ħbiberija u fir-rispett għar-regoli.

“Hu importanti li dawk involuti fl-isport, fid-diversi livelli, jippromwovu dawk il-valuri umani u Kristjani li jagħmlu soċjetà aktar ġusta u ta’ appoġġ. Dan hu possibbli għax l-avveniment sportiv hu espress f’lingwa universali li tittraxxendi l-fruntieri, il-lingwi, ir-razzez, ir-reliġjonijiet u l-ideoloġiji.

“Dan jidher b’mod partikolari fl-isport tad-dilettanti, li jiġi mill-qalb. Għalhekk fih il-kapaċità intrinsika li jgħaqqad in-nies u l-popli u jkabbar id-djalogu u l-aċċetazzjoni.

“Ninkoraġġikom biex ixxerdu l-valuri tal-isport: b’hekk tkun qed tagħtu sehemkom biex tinbena soċjetà aktar ġusta u ta’ solidarjetà. Nixtieq niffoka fuq żewġ kelmiet li qal il-President tal-Kumitat Olimpiku Taljan. L-ewwel kelma hi: passjoni.  Meta naqra xi aħbar ta’ suwiċidju fost iż-żgħażagħ – u jkun hemm ħafna – nistaqsi, “imma x’ġara?” Nista’ ngħid li f’dik il-ħajja ma kienx hemm passjoni, xi ħadd ma għarafx kif jiżra’ l-passjoni għall-ħajja.

“Xerrdu l-passjoni. Din il-kelma trid il-passjoni. Għixu b’passjoni u tqisux il-ħajja bħala piż. Il-passjoni tmexxina ‘l quddiem.

“It-tieni frażi hi: Champion tal-Ħajja. Iva, wieħed jista’ jsir champion f’avveniment sportiv, champion ta’ team u x’naf jien.  Iżda “Champion tal-Ħajja” hu dak li jgħix b’passjoni; wieħed li jgħix ħajja sħiħa kapaċi jkun hekk. “Passjoni” u “Champion tal-Ħajja”, kelma u frażi mill-isbaħ,” temm jgħid il-Papa Franġisku lil dan il-grupp ta’ ċiklisti.