“L-isplussiv qatta’ biċċiet mara innoċenti, u intom dakinhar ma stajtu tagħmlu xejn” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li l-isplussiv qatta’ biċċiet mara innoċenti, imma dakinhar, fuq il-post tad-delitt, il-membri tal-Forzi Armati, ma setgħu jagħmlu xejn, ħlief jaraw x’ġara. Dan għal kuntrarju ta’ ċirkostanzi oħra fejn is-sodisfazzjon tagħhom ikun li jsalvaw il-bnedmin.
Fl-omelija, waqt quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, f’Jum il-Forzi Armati ta’ Malta, b'referenza għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Arċisqof stqarr li s-soċjetà ssewwed qalbha meta l-vjolenza tirbaħ fuq ċittadin mingħajr difiża.
“Tibżgħux u tħarsux lejn uċuħ”
Mons. Scicluna appella lill-membri tal-armata biex ikunu strument ta’ ġustizzja mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuħ u mingħajr biża’.
Spjega li l-armata trid tkun attrezzata mhux biss bl-affarijiet materjali, imma anke b’motivazzjoni u bi spirtu ta’ prinċipji etiċi.
“Għinu lill-poplu jħossu sigur, protett u qatt mhedded”
Talabhom biex bil-ħidma tagħhom, il-poplu jħossu sigur, protett u qatt mhedded.
L-Arċisqof ħa l-okkażjoni u sellem lil tant nisa li jaħdmu fid-dar tagħhom fis-skiet, lill-għalliema, lin-nisa li qegħdin fl-arti, fis-soċjetà, fil-kummerċ u f’kull qasam. Insista li anke huma, bħal kulħadd, għandhom bżonn is-sigurtà li tista’ toffri l-armata.
Ma naqasx milli jirringrazzja lill-membri tal-armata għal dak kollu li jagħmlu f’tant ħidmiet ta’ salvataġġ, fejn fost l-oħrajn jirkupraw katavri mill-baħar. Semma b’mod partikolari s-salvataġġ taż-żewġ żgħażagħ fuq l-irdumijiet, meta anke l-ġenituri tagħhom kienu qatgħu qalbhom li kienu se jarawhom ħajjin.