L-ispiżjara tad-Dipartiment tas-Saħħa jistgħu jispeċjalizzaw fil-professjoni

L-ispiżjara li huma impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa se jkollhom opportunitajiet ġodda biex ikomplu javvanzaw u jispeċjalizzaw fil-professjoni tagħhom. Dan wara li ntlaħaq ftehim settorali miftiehem bejn il-union tal-ispiżjara, il-UĦM u l-gvern.

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Fi stqarrija, Fearne qal li dan il-ftehim se jkun qed idaħħal prinċipji ġodda, fosthom il-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni b’mod formali. L-ispiżjara se jkollhom struttura formali ta’ kif se jkunu jistgħu ikomplu jispeċjalizzaw anke ladarba jkunu diġà qed jaħdmu bħala spiżjara.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li dan il-ftehim se jgħin lill-ispiżjara jispeċjalizzaw fil-karriera li għażlu u se jkunu qed jgħinu biex jibnu futur għal din il-professjoni.

Bħalissa mal-gvern hemm jaħdmu madwar 150 spiżjar u spiżjara.