L-ispiżjara ordnati jwaqqfu t-tqassim tal-mediċini fid-djar

Il-Kamra tal-Ispiżjara qed toħroġ direttiva biex jiġi sospiż b’effett immedjat it-tqassim tal-mediċini fid-djar, li s-soltu jsiru bl-iskema tal-anzjani ta’ ‘l fuq minn 70 sena.

Din hija biss waħda mid-direttivi li qed toħroġ il-Kamra tal-Ispiżjara, li fi stqarrija qalet li minkejja li jidher li hemm konsultazzjonijiet mat-tobba u l-infermiera, is-settur tagħhom qed jiġi injorat kemm mill-Ministeru għas-Saħħa kif ukoll mis-Superintendenza tas-Saħħa pubblika.

Filwaqt li spjegat li jiġri x’jiġri l-ispiżeriji se jibqgħu miftuħin, anke f’każ ta’ lockdown, żiedet tgħid li diġà hemm għadd ta’ spiżjara li ma jistgħux jaħdmu minħabba li għandhom it-tfal żgħar u ħadd ma jista’ jieħu ħsiebhom.

Il-Kamra tal-Ispiżjara kkomunikat li mhux se jkun hemm applikazzjonijiet ġodda u mhux se jkunu qed jittieħdu telefonati b’rabta ma’ din l-iskema. Appellat lill-Gvern biex jipprovdi carers biex jiġbru l-mediċina tal-pazjenti tagħhom.

Direttivi oħra:

  • B’effett immedjat, il-pazjenti kollha se jingħataw provvista ta’ mediċini għal xahrejn, meta jkun imisshom biss.
  • Spiżeriji se jdaħħlu massimu ta’ żewġ persuni biss fl-istess ħin. Il-pazjenti huma meħtieġa joqogħdu metru ‘l bogħod mill-bank tal-ispiżjar
  • L-ispiżjara huma rakkomandanti biex jaħslu jdejhom bis-sanitiser ta’ spiss, speċjalment wara li jmissu d-dokumenti tal-pazjenti.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 3 każi oħra.

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn