L-ispiżjara jitolbu l-intervent tal-President fid-dibattitu fuq il-liġi tal-ugwaljanza

Read in English.

Il-Kamra tal-Ispiżjara kitbet lill-President George Vella biex titolbu jintervjeni fid-dibattitu fuq il-liġi tal-ugwaljanza f’isem l-ispiżjara, peress li huma jqisu l-abbozz kif inhu s’issa li jikser id-drittijiet umani tal-professjonisti mediċi.

L-abbozz ġie kkritikat minn diversi organizzazzjonijiet, fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja.

Id-dibattitu fuq din il-liġi wasal fl-istadju finali tiegħu, billi bħalissa l-abbozz tal-liġi jinsab fuq il-mejda tal-Kumitat Parlamentari għall-Aġġudikazzjoni tal-Liġijiet li għandu jiltaqa’ għada.

Il-Kamra tenniet li l-professjonisti ma jistax jittiħdilhom id-dritt tagħhom għal-libertà tal-ħsieb u tal-kuxjenza fil-kuntest tas-saħħa legali. Skont l-ispiżjara, l-abbozz tal-liġi kif inhu s’issa qiegħed jimmina dak li kienu ħalfu meta daħlu fil-professjoni, li jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u l-kuxjenza, u l-Kodiċi tal-Etika li jservi ta’ gwida u li jinkludi klawsola fuq oġġezzjoni ta’ kuxjenza.

L-oġġezzjoni bbażata fuq il-kuxjenza fil-qasam tal-mediċina hija meta ħaddiem tas-saħħa jkollu d-dritt jastjeni milli joffri ċerti tipi ta’ kura medika li ma jaqbilx magħhom personalment.

Dr Martin Balzan, il-President tal-assoċjazzjoni tat-tobba MAM qal fuq 103 Malta’s Heart li jekk l-abbozz tal-Liġi tal-Ugwaljanza jibqa’ kif inhu allura jista’ jwitti t-triq għad-dħul tal-abort u l-ewtanasja.

Ittri simili ntbagħtu mill-Kamra lill-Prim Ministru, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, lill-Ministru għall-Ġustizzja u lis-Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza.