L-ispiżjara jiddikjaraw tilwima mal-Gvern minħabba l-attivitajiet tal-massa

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ddikjarat tilwima mal-Gvern minħabba l-policy tiegħu li jħalli l-attivitajiet tal-massa jsiru.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-pandemija tal-coronavirus għadha kwistjoni nazzjonali u globali. Qalet li hemm bżonn maniġjar tajjeb, dixxiplina, u azzjoni responsabbli. Appellat lil kulħadd biex jiġbed ħabel wieħed lejn is-sigurtà. Qalet li wieħed jista’ jitkellem dwar il-perjodu ta’ wara l-COVID-19 meta jkun hemm vaċċin.

L-Ispiżjara qalu li hemm min ma tgħallimx mis-sagrifiċċji li saru u mill-imwiet li kien hemm. Dan fid-dawl tal-attivitajiet tal-massa li qed jiġu organizzati u fid-dawl tal-politiċi u l-membri tal-pubbliku li qed jinjoraw il-linji gwida. Spjegat li dan ipoġġi lill-frontliners fil-periklu. Ta’ dan il-Kamra tal-Ispiżjara se żżomm lill-Gvern, lill-organizzaturi tal-attivitajiet, u lill-parteċipanti responsabbli.

Il-Kamra fakkret lill-ispiżjara biex isegwu d-direttivi li ħarġu minn Marzu. Tat struzzonijiet ukoll lill-pubbliku:

  • Spiżerija għandha ddaħħal sa massimu ta’ żewġ persuni fl-istess ħin
  • Il-klijenti għandhom isegwu kull struzzjoni tal-amministrazzjoni tal-ispiżerija
  • Il-pubbliku għandu jilbes maskra jew visor u juża’ hand sanitiser qabel ma jidħol jew joħroġ mill-ħanut
  • In-nies għandhom iżommu distanza ta’ żewġ metri minn xulxin

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għandha tirrikonoxxi r-responsabbilità tagħha u twaqqaf l-attivitajiet tal-massa kollha.