L-ispiżeriji ta’ New York se jibdew jagħmlu t-testijiet tal-coronavirus

REUTERS/Jeenah Moon

L-Istat ta’ New York, li huwa l-epiċentru tal-pandemija tal-coronavirus fl-Istati Uniti se jkun qed jippermetti li l-ispiżeriji jagħmlu wkoll it-testijiet għall-coronavirus lil dawk sintomatiċi.

Il-governant ta’ New York, Andrew Cuomo qal li mal-5,000 spiżerija se jkunu jistgħu jagħmlu dawn it-testijiet bil-għan li jipprovdu 40,000 test kuljum.

Bħalissa, fl-Istati Uniti hemm aktar minn 938,000 każ ikkonfermat. Madwar terz tat-53,751 mewta seħħew fil-Belt ta’ New York. Intant, il-President Donald Trump iddeċieda li ma jagħmilx l-aġġornament tal-jum kif kien qed jagħmel qabel u sostna li dak huwa kollu ħela ta’ ħin.

Fuq Twitter is-Sibt, Trump ipponta subajgħ lejn il-midja tal-pajjiż u qal li kienu qed jistaqsu biss mistoqsijiet ostili. Hu qala’ kritika qawwija wara li l-Ħamis issuġġerixxa li d-diżinfettant jista’ jkun trattament għall-virus. Diversi tobba qalu li d-diskors ta’ Trump kien wieħed perikoluż hekk kif id-diżinfettanti jistgħu jkunu velenużi jekk jiġu kkunsmati.

Skont hotlines dwar l-espożizzjoni għal kimiċi fid-djar fil-Belt ta’ New York irduppjaw fit-18-il siegħa wara d-diskors ta’ Trump. Filwaqt li matul l-istess perjodu s-sena li għaddiet kien hemm 13-il każ, din is-sena l-każi telgħu għal 30.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn