L-ispiżeriji jirrifjutaw li jbigħu maskri u visors sakemm il-Gvern jikkjarifika

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ħabbret li l-ispiżeriji mhux se jkunu qed ibigħu maskri u visors mil-lum sakemm il-Gvern jikkjarifika l-kummenti tiegħu dwar il-prezzijiet tagħhom.

Propju mil-lum, Malta bdiet gradwalment tnaqqas il-miżuri restrittivi billi bdiet tiftaħ il-ħwienet li joffru prodotti “mhux essenzjali”. It-tnaqqis ta’ dawn il-miżuri restrittivi daħħlu miżuri ġodda bħal obbligu li wieħed jilbes maskri jew visors waqt li jkun qed jagħmel użu minn ħwienet jew trasport pubbliku.

Ilbieraħ, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal fuq Facebook li l-prezzijiet massimi tas-surgical masks u tal-face shields se jiġu stabbiliti b’avviż legali. L-avviż daħal fis-seħħ mil-lum. Hu ħabbar li l-ogħla prezz tas-surgical masks se jkun ta’ €0.95 filwaqt li dak tal-face shields ma jistax jaqbeż il-€5.

F’dikjarazzjoni ppubblikata fuq Facebook, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li ridet tinforma lill-Ministru Schembri li l-maskri u l-visors li jbigħu jiġu mingħand fornituri differenti li huma liċenzjati. Insistiet li l-ispiżjara m’għandhom l-ebda kontroll fuq il-prezzijiet tal-maskri għax dawn huma prezzijiet fissi tal-fornituri.

Il-Kamra qalet li hi ma ġietx ikkonsultata dwar l-avviż legali fuq il-prezzijiet massimi. Irrimarkat ukoll li t-ton li uża l-Ministru għall-Ekonomija fuq Facebook ipoġġi lill-ispiżjara f’dawl ikrah.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn