L-ispiża tal-Gvern togħla b’€290 miljun bejn l-2013 u l-2014

L-ispiża totali tal-Gvern fl-2014 kienet ta’ kważi €290 miljun iktar mis-sena ta’ qabel, għal total ta’ kważi €3,500 miljun.
Iż-żidiet prinċipali, ta’ iktar minn €50 miljun kull kategorija, kienu fil-ħlasijiet marbuta mal-Ħarsien Soċjali, speċjalment minħabba l-pensjonijiet, childrens’ allowances u child care, u fil-qasam tas-Saħħa, speċjalment f’servizzi fl-isptar.
Żidiet oħra, kważi €50 miljun oħra, kienu fi spejjeż marbuta mat-toroq, waqt li l-Edukazzjoni rat żieda ta’ kważi €30 miljun.
Skont l-NSO, il-Ħarsien Soċjali fisser kważi terz tal-ispiża ġenerali tal-Gvern fl-2014, segwita mill-oqsma tas-Saħħa u l-Edukazzjoni.
Fl-2014, l-Ispiża Ġenerali tal-Gvern telgħet għal iktar minn 43% tal-Prodott Gross Domestiku, bl-ikbar kategorija tkun il-ħlas tal-pagi u benefiċċji lill-ħaddiema, l-iktar fl-oqsma tal-Edukazzjoni u s-Saħħa.