L-ispiża tal-Gvern tiżdied b’iktar minn €130 miljun

L-ispiża ġenerali tal-Gvern fl-2013 żdiedet b'€133.8 miljun fuq is-sena ta’ qabel, għal total ta’ €3,196.3 miljun.
L-ikbar żieda fl-ispiża kienet għall-qasam soċjali, b'€49.4 miljun iktar, speċjalment għall-pensjonijiet. Kien hemm żieda qawwija wkoll, ta’ €38.4 miljun oħra, fl-ispejjeż tas-saħħa, l-iktar għas-servizzi fl-isptar. Is-settur ekonomiku ra wkoll żieda ta’ €28.2 miljun oħra, l-iktar minħabba l-għajnuna finanzjarja diretta lill-Air Malta. Il-qasam tal-edukazzjoni wkoll ra investiment ogħla, ta’ €23.5 miljun, l-iktar fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja.
Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fl-ispejjeż tal-Gvern fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi ġenerali (€10.5 miljun) u fis-settur tal-akkomodazzjoni u servizzi fil-komunità (€6.1 miljun).
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) spjega li terz tal-ispiża tal-Gvern baqgħet għall-qasam soċjali, l-iktar għall-pensjoni tal-irtirar.