“L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

L-ekonomista Gordon Cordina qal li qed jistma li l-ispiża għal kull ħaddiem fuq paga minima jew paga baxxa, se tiżdied b’€450 fis-sena sal-2019.
Huwa qal dan f’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt b’reazzjoni għaż-żieda li tħabbret ilbieraħ fil-paga minima nazzjonali.
Gordon Cordina qal li dawn ż-żidiet li ntlaħaq qbil dwarhom fil-paga minima nazzjonali huma sostenibbli, jħarsu lejn l-aspetti kollha tal-ekonomija u ma għandhom joħolqu l-ebda periklu għall-impjiegi ġenerali.
Fl-analiżi tiegħu ma’ Newsbook.com.mt, Gordon Cordina semma kif il-qbil li ntlaħaq bejn l-imsieħba soċjali dwar il-paga minima se jagħti għajnuna tajba lill-ħaddiema fuq pagi baxxi, filwaqt li se jservi wkoll ta’ inċentiv ġdid għal min irid jidħol fid-dinja tax-xogħol.
Spjega li l-ebda miżura ma tista’ twassal għal soluzzjoni totali li teqred għal kollox il-faqar, iżda qal li dan il-ftehim jilħaq bilanċ tajjeb.
Fl-istess ħin qal li mill-aspett ekonomiku, żidiet bħal dawn jistgħu joħolqu ċerti perikli fosthom dak li titnaqqar il-kompetittività tal-industriji, partikolarment dawk l-intrapriżi li għandhom ħafna ħaddiema fuq paga minima.  Kompla jgħid li periklu ieħor huwa dak li jissejjaħ il-“knock on effect” li jfisser li b’konsegwenza tal-ftehim, il-pagi l-oħra ġenerali jkollhom jiżdiedu wkoll.
Biex din il-miżura tkun waħda ta’ suċċess, l-ekonomista sostna li huwa importanti li jibqgħu isiru studji kontinwi dwar l-impatt u li jkun hemm proċess politiku b’saħħtu li jkollu l-appoġġ ta’ Gvern u Oppożizzjoni.
Gordon Cordina spjega li l-mod ta’ kif se jingħataw iż-żidiet proposti fil-paga minima sal-2019, se jgħin biex dawn jiġu assorbiti aħjar mill-industrija.
Semma wkoll kif it-twaqqif ta’ kummissjoni apposta għall-pagi baxxi se tibqa’ tara li dawn iż-żidiet jibqgħu sostenibbli fuq bażi kontinwa.