L-ispiża fuq il-mediċini tal-kanċer din is-sena mistennija taqbeż it-€12-il miljun

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-ispiża għal mediċini tal-kanċer qabżet il-miljun ewro fix-xahar, u għalhekk l-ispiża ta’ din is-sena mistennija tkun madwar €12 miljun u €13 miljun.

Il-President Vella qal dan waqt attività li fiha ġew ippreżentati lilu flus minn ġbir li sar mid-diversi għaqdiet volontarji u soċjetajiet Naxxarin għall-Community Chest Fund. L-attività, li ilha ssir għal dawn l-aħħar 26 sena fil-jum tal-Ħadd qabel il-festa ta’ Marija Bambina, ġiet organizzata barra l-kwartieri tal-Iscouts tan-Naxxar bil-miżuri kollha ta’ prevenzjoni stipulati mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex tiġi kkumbattuta l-imxija tal-COVID-19.

Filwaqt li iżża ħajr lin-Naxxarin għall-ġenerożità tagħhom u xtaqilhom il-festa t-tajba, minkejja ċ-ċirkustanzi straordinarji, il-President George Vella spjega kif id-diffikutajiet li qed tħabbat wiċċha magħhom il-Community Chest Fund illum huma ħafna akbar milli kienu fis-snin li għaddew.

Huwa sostna li n-numru tal-pazjenti li jeħtieġu l-għajnuna żdied filwaqt li l-ispejjeż tal-mediċini tal-kanċer splodew ‘il fuq. Bħala eżempju, għamel referenza partikolari għal każ ta’ tliet pilloli li jiswew €69,000. Hemm ukoll il-fattur pożittiv li ħafna minn dawk li bdew jingħataw il-mediċina tliet snin ilu baqgħu ħajjin b’riżultat ta’ dan, imma dik il-mediċina jridu jibqgħu jeħduha. Dan ifisser li, bħala numru ta’ benefiċjarji, dawn jiżdiedu mal-każijiet il-ġodda li jkomplu deħlin sena wara l-oħra. Fl-2015 l-ispiża tal-Fond fuq il-mediċini kienet taħt il-€1 miljun, fl-2018 telgħet għal €8 miljun, fl-2019 skorriet l-€10 miljun, u huwa stmat li din is-sena se titla’ għal €12- jew €13-il miljun.

Il-President ta’ Malta George Vella ddeskriva l-imħabba lejn il-proxxmu li juru n-nies permezz tad-donazzjonijiet tagħhom lill-Community Chest Fund bħala mhux biss att ta’ karità ma’ ħaddieħor iżda wkoll investiment f’dak li jista’ jkollna bżonn aħna stess jew nies qrib tagħna ħafna.

Il-President ta’ Malta rrimarka li spiċċa żmien li l-Community Chest Fund jibqgħalha anki xi ħaġa żejda tal-flus li setgħu jiġu investiti fi proġetti. F’dan il-kuntest, irrefera għal kitbiet li dehru fil-midja soċjali, li qalu li l-Fond kien qed jagħtu l-flus mhux biss għall-mard iżda għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Spjega kif fil-passat, meta kien hemm xi flus żejda, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi ntalbu joffru programmi ta’ għajnuna soċjali u oħrajn ta’ ħidma mal-persuni b’diżabilità ħalli tingħatalahom għajnuna permezz ta’ dawn il-flus.

Il-President fakkar f’kif, minħabba l-pandemija, din hija sena partikolari li fiha lanqas l-attivitajiet annwali li s-soltu jorganizzaw l-organizzazzjonijiet filantropiċi ma jistgħu jsiru – fil-każ tal-Community Chest Fund dawn jinkludu r-Rockestra u l-Fun Run.