L-Ispirtu s-Santu qed jaħdem bis-sahra waqt is-Sinodu

Il-Kardinal Kevin Joseph Farrell

“Naħseb li l-Ispirtu s-Santu hu preżenti anzi qed jaħdem bis-sahra waqt is-Sinodu”, qal il-Kardinal Kevin Farrell, Prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja. Hu qal li l-Ispirtu s-Santu qed ikun ta’ gwida lis-Sinodu dwar l-Amazonia.

F’kummenti lill-aġenzija Vatican News fi tmiem waħda mis-sessjonijiet tas-Sinodu, il-Kardinal Farrell qal li jaħseb li fost l-Isqfijiet “hemm spirtu kbir ta’ għaqda u ftehim”. Kulħadd qed jirrikonoxxi li l-Knisja fl-Amazonia qed tiffaċċja ħafna problemi. “Qed nippruvaw insibu mod kif inkomplu l-ħidma missjunarja f’din iż-żona li bdiet ħafna snin ilu”.

Diversi proposti

Qed isiru diversi proposti waqt il-laqgħat tas-Sinodu “u l-Knisja trid teżamina kull waħda minn  dawn il-proposti u suġġerimenti” qal il-Kardinal Farrell. Hu qal li b’tant ideat differenti, trid issir konsultazzjoni wiesgħa dwar ċerti aspetti. “Naħseb li kultant aħna nfittxu l-aktar triq faċli u min-naħa l-oħra l-Ispirtu s-Santu jmexxina fit-triq it-tajba.”

Mistoqsi kif  l-Isqfijiet tas-Sinodu se jilħqu qbil fuq id-diversi proposti u mistoqsijiet li għandhom quddiemhom, il-Kardinal qal li “Naħseb li l-Ispirtu s-Santu jagħtina gwida ġenerali dwar kif għandna nimxu ‘l quddiem”.

Fidi kbira

Il-Prefett tad-Dikasteru tal-Lajċi qal li laqtitu ħafna “il-fidi kbira” li għandhom ħafna mis-saċerdoti li jadħmu fl-Amazonia. “Jien li ġej mill-Istati Uniti, ma kelli ebda idea dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom kuljum biex iwasslu l-Kelma t’Alla,  dawn l-Isqfijiet, saċerdoti, sorijiet u lajċi”.

Il-Kardinal Farrell qal “Dak li nammira hi l-fidi kbira ta’ ħafna minn dawn in-nies, speċjalment in-nisa indiġeni li hawn fis-Sinodu, li jitkellmu u li huma għatxana għat-tagħlim tal-fidi u aħna rridu nagħtuhom risposta”.