“L-ispirtu missjunarju parti mill-identità Maltija” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-ispirtu missjunarju huwa parti mid-DNA spiritwali Maltija. Jekk nitilfu dak, qal l-Arċisqof, inkunu qed nitilfu l-identità tagħna.

Dan qalu fl-omelija tiegħu waqt quddiesa li fiha Fr Alliston Fernandes u Fr Francis S’Sousa saru parti mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-quddiesa saret fis-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat.

Dawn iż-żewġ qassisin Indjani ġejjin mill-ICPE Mission, wara li fl-2015, l-Arċisqof ħa d-deċiżjoni li jagħti permess biex titwaqqaf dar fis-Seminarju dedikata lill-formazzjoni ta’ qassisin tal-ICPE Mission. L-Arċisqof laqa’ liż-żewġ qassisin fil-familja tal-kleru Malti.

Fl-omelija, Mons. Scicluna qal li huwa unur għall-Knisja Maltija li tilqa’ l-frott tal-formazzjoni li l-ICPE qed joffri f’Malta. Irringrazzja lill-ICPE wkoll talli qed iġġib lura l-missjoni fuq l-aġenda tal-Knisja Maltija. Semma kif il-ħniena dejjem għandha tibqa’ ċentrali fil-ħajja tal-qassisin. Semma kif il-ħniena t’Alla ma tintemm qatt.

Huwa fakkar dak li qal meta ġew ordnati 10 qassisin ġodda fil-bidu tas-sena, li jdejhom huma l-idejn li Ġesù jrid jgħannaq l-umanità bihom, biex iwasslilha t-tenerezza, il-ħniena u l-kumpassjoni tiegħu.

L-Arċisqof semma wkoll kif meta San Pietru kien ġie arrestat u kien qed jaffaċċja l-mewt, kien beżgħan u waħdu, imma t-talb tal-Knisja salvah. Huwa wiegħed liż-żewġ qassisin li l-Arċidjoċesi se żżommhom fit-talb tagħha. Qal ukoll li ż-żewġ qassisin x’aktarx jiġu assenjati xi mkien aljen għalihom, u esprima tama li huma mhux dejjem jintbagħtu fejn ma jixtiqux imorru, bħalma Ġesù kien qal lil Pietru.

Madankollu, l-Arċisqof irrikonoxxa li huma taw disponibbiltà speċjali li jintbagħtu fuq missjoni u f’sitwazzjonijiet iebsa. L-Arċisqof temm l-omelija billi wera tama li d-dar ta’ formazzjoni tal-ICPE tkompli tikber.