L-ispinaċi jista’ jsaddadlek moħħok?

Ir-riċerka qed tissuġġerixxi li l-ispinaċi jista’ jwassal għall-marda tal-Alzheimer’s f’persuni li jkunu f’riskju. Fl-istess waqt qed iwissu biex ma jitnaqqasx il-konsum tal-ikel għoli fil-ħadid.
Studju li sar fl-Università ta’ Melbourne u ppublikat fir-rivista Molecular Psychiatry, juri li l-weraq tal-ispinaċi mimlija ħadid jistgħu jikkawżaw ħsara fil-moħħ, simili għal kif dan il-materjal iwassal biex isaddad il-metall.
L-awtur ewlieni tal-istudju Dr Scott Ayton qal li filwaqt li l-ħadid hu importanti għall-enerġija, jista’ jikkawża stress fiċ-ċelloli u jwassal għall-qirda tagħhom.
Ir-riżultati juru li persuni b’livell għoli ta’ ħadid flimkien mal-proteina amyloid, li hi assoċjata mal-Alzheimer’s, għandhom tendenza akbar li jesperjenzaw tnaqqis konjittiv.
Mill-banda l-oħra, dawk b’livell għoli tal-proteina amyloid u b’livelli baxxi ta’ ħadid ikunu f’riskju inqas li jkollhom din il-marda.
Allura r-riċerka tissuġġerixxi li meta jitneħħa dan is-sadid mill-moħħ, tista’ tiġi evitata jew tittardja l-kundizzjoni deġenerattiva.
Ix-xjentisti qed iħejju investigazzjoni fuq ħames snin dwar jekk pilloli li jnaqqsu l-ħadid fil-moħħ, jistgħux jikkuraw l-Alzheimer’s.
Tnaqqasx il-ħadid fid-dieta tiegħek
Ir-riċerkaturi ma jirrakomandawx li persuna tnaqqas il-konsum tal-ħadid fid-dieta tagħha biex tnaqqas ir-riskju tal-Alzheimer’s.
Dan għaliex l-ammont ta’ ħadid fil-moħħ jidher li mhux relatat mal-livelli fid-demm jew ma’ x’tip ta’ ikel tikkonsma l-persuna.
Allura, minkejja li dawn ir-riżultati jistgħu jallarmaw, ix-xjentisti qed jissuġġerixxu li n-nies ikomplu bid-dieta normali tagħhom, li tista’ tinkludi l-konsum ta’ spinaċi u ikel ieħor mimli ħadid.