L-Ispettur Yvonne Farrugia tintgħażel bħala l-prosekutur pubbliku Malti fl-UE

Read in English.

L-Ispettur Yvonne Farrugia ntgħażlet sabiex tkun ir-rappreżentanta Maltija fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-Unjoni Ewropea.

Skont rapporti minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom u li Newsbook.com.mt qed jipprova jikkonferma uffiċjalment, l-Ispettur Farrugia kienet l-ewwel għażla, filwaqt li d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Mario Spiteri kien it-tieni għażla.

L-għażla saret mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO).

Yvonne Farrugia s’issa kienet isservi bħala Spettur fit-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Malta ssieħbet fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) fl-2018, bħala t-22 stat membru tal-Unjoni Ewropea li ngħaqad f’dan l-uffiċċju.

L-EPPO huwa korp indipendenti fi ħdan l-UE li jiġġieled ir-reati kriminali kontra l-baġit tal-Unjoni. Għandu l-kompetenza li jinvestiga u jsegwi reati kriminali li jmorru kontra l-baġit, bħal frodi, korruzzjoni u frodi tat-taxxa minn pajjiż għal ieħor.