L-Ispettur Edmond Cuschieri inkarigat mis-Sezzjoni tat-Traffiku

A traffic police officer directs traffic in Kappara, Malta February 5, 2014. Picture taken February 5, 2014. REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

Is-Sezzjoni tat-Traffiku fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li reċentament tpoġġiet taħt lenti minħabba allegat abbuż fis-sahra, se tkun qed titmexxa mill-Ispettur Edmond Cuschieri.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Pulizija, li qal ukoll li s-Sezzjoni se tkun qed tirrapporta lill-Assistent Kummissarju Nezren Grixti (Operational Support) li huwa nkarigat ukoll mis-Sezzjonijiet tar-Rapid Intervention Unit u tal-iSpecial Intervention Unit. B’hekk jidher li kien hemm tibdil fir-responsabbiltà ta’ din is-sezzjoni, hekk kif qabel kienet tpoġġiet f’idejn l-Assistent Kummissarju Anthony Cassar.

Fil-jiem li għaddew, rapporti fil-midja qalu li kien se jkun Gabriel Micallef li jmexxi din is-sezzjoni. Illum it-Times of Malta qalet li għalkemm oriġinarjament kien imsemmi Micallef, il-Korp jidher li rtira l-għażla wara kritika dwar il-passat tiegħu fil-Korp. Micallef dejjem ċaħad l-allegati akkużi.

Impjegati 12-il pulizija tat-traffiku ġodda fosthom mara

Is-Sezzjoni tat-Traffiku impjegat diversi persuni f’karigi differenti biex terġa’ tissaħħaħ wara li l-maġġoranza tal-membri tagħha inqabdu jabbużaw mis-sahra u ġew sospiżi fil-ġimgħat li għaddew.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li s-Sezzjoni tat-Traffiku ġiet imsaħħa bi Spettur u 12-il uffiċjal tal-Pulizija, fosthom mara.

Il-kelliem kompla jispjega li l-uffiċjali kollha fi ħdan is-Sezzjoni tat-Traffiku se jkunu qed jingħataw it-taħriġ neċessarju, kemm teoretiku kif ukoll prattiku, inkluż minn esperti barranin.

Intant jidher li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin.

In-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija li ġew arrestati kien dak ta’ 41, b’31 minnhom bil-police bail u sospiżi. B’kollox irreżenjaw seba’ persuni minn mindu ħarġet l-aħbar ta’ allegat abbuż mis-sahra, li kollha ġew aċċettati.

Il-Pulizija kienet ikkjarifikat li s-sahra referuta għaliha tikkonsisti f’extra-duty. Dan is-servizz ta’ extra-duty jingħata lil terzi bi ħlas waqt li l-uffiċjali tal-Pulizija jkunu frank.